“Kull ġurnata wara llum hija bonus” – Lorraine

Lorraine Degiorgio. Ritratt: J.J. Chircop

Awguri lill-attriċi Lorraine Degiorgio li llum qed tiċċelbra għeluq il-50 sena tagħha. Twieldet bħal-llum is-27 ta’ Novembru tal-1970. Lorraine kienet kisbet suċċess fil-karattru ta’ Emily fis-sensiela F’Salib It-Toroq li damet għaddejja erba’ snin.

Lorraine bdiet il-ġurnata billi rringrazzjat lill-Mulej talli qajjimha biex b’hekk tara waħda mill-ġranet l-aktar speċjali ta’ ħajjitha.

“Kull ġurnata wara din hija bonus għax ħajti imlejtha daqs bajda. Inħares lejn il-passat tiegħi speċjalment lejn il-memorji li mlewli ħajti u nirringrazzja lil kull min għamel jew għadu jagħmel parti minn ħajti,” kitbet hi waqt li ddedikat din il-parti tal-messaġġ lis-sieħeb tagħha Gary, tal-paċenzja li jieħu biha.

Lorraine għandha wkoll tifel, Sven, li għandu 16-il sena.

“Bis-saħħa ta’ ħafna nies li kelli u għandi f’ħajti Jien dak li Jien illum. Tgħallimt dak li rrid inkun min-nies twajba u tgħallimt dak li ma rridx inkun min-nies kattivi,” kitbet hi waqt li għamlet apoloġija jekk xi darba weġġgħet lil xi ħadd.

“Żgur qatt ma’ għamilt xejn b’intenzjoni ħażina imma dejjem ħallejt f’idejn il-Mulej għax nemmen li dak li jkun hemm miktub għalina ma jħassru ħadd, la t-tajjeb u lanqas il-ħażin,” kitbet hi.

Lorraine kienet bdiet fuq it-televiżjoni permezz tas-sensiela Kristu tal-Kerrjja u wara kellha F’Salib It-Toroq, X’Affarijiet Dawn u It-Tfal.

Apparti r-reċtar Lorraine kienet għamlet 17-il sena tgħallem iż-żfin. Dan minbarra d-diversi produzzjonijiet fuq il-palk sa minn mindu kellha 9 snin.

Paul Caruana u Lorraine Degiorgio f’xena mis-sensiela F’Salib It-Toroq

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’dan il-jum u għal bosta snin li ġejjin.