Kull familja għandha l-isfidi tagħha – Is-Sinodu

Fil-kuntest tal-evanġelizazzjoni, kull familja għandha l-isfidi tagħha fil-ħidma pastorali.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu dwar is-Sinodu.
Fl-indirizz tagħhom, l-Isqfijiet qalu li huma trabbew f’familji u għexu b’familji madwarhom, li lkoll esperjenzaw il-ferħ u n-niket.
B’referenza għall-kwestjonarju li sar madwar id-dinja l-isqfijiet qalu li dan għenhom jifhmu aktar is-sitwazzjonijiet li jaffaċjaw il-familji fil-preżent.
Fid-dawl ta’ dak li ġie diskuss, il-Knisja semmiet l-isfida li l-koppji jibqgħu leali lejn xulxin fl-imħabba tagħhom, u ħeġġet biex dawn jaħfru lil xulxin fis-sagrifiċċji ta’ kuljum fil-ħajja miżżewġa.
Fost it-tbatijiet li familja tegħleb, ssemmew trobbija ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali, mard, anzjanità u mewt.
Dawn kollha, spjegaw l-Isqfijiet huma affarijiet li jistgħu jfixklu l-kuraġġ u l-fedeltà tal-familja, u jammiraw dawk li jibqgħu sodi.
Issemmew il-familji li jitilqu minn pajjiżhom fuq dgħajsa, u dawk ippersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom, kif ukoll in-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza u ta’ traffikar tal-bniedem u tfal abbużati minn dawk li għandhom jipproteġuhom.
Talbu li l-gvernijiet u organizazzjonijiet internazzjonali jkomplu jimpromovu d-drittijiet tal-familja għal ġid komuni.
Fil-vjaġġ tagħha l-familja għandha tħalli lil Alla takkumpanjaha, u dan sostnew l-Isqfijiet huwa kif l-Knisja domestika tkompli tikber.