Kull bidla trid isseħħ bla tbatija fuq min jiflaħ l-inqas – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kull bidla li trid isseħħ u kull sfida li trid tingħeleb m’għandux iħallas għaliha dawk li jifilħu l-inqas.

Dr Muscat qal dan meta kien qed jitkellem dwar l-isfidi tat-tniġġis tal-arja f’attività politika fil-Mosta.

Il-Prim Ministru qal li bħalissa ħafna mill-familji jaffordjaw li jixtru karozza second-hand tal-Ġappun jew waħda ġdida u oħra second-hand, u allura l-qalba għal karozzi elettriċi trid issir bl-għaqal mingħajr ma jbatu l-ħaddiema. Huwa qal li l-poplu jrid jifhem il-bidliet li hemm bżonn li jsiru fis-snin li ġejjin.

“Hemm problemi ġodda”

Huwa qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni tul id-diskors tiegħu fil-kritika għall-Baġit 2020 beda jgħid l-affarijiet bil-maqlub. Il-Kap tal-Partit Laburista qal li l-Gvern irnexxielu jnaqqas l-emissjonijiet fl-arja mingħajr ma jbatu l-familji kif ippjana li jagħmel il-Partit Nazzjonalista taħt l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Huwa qal li l-Prim Ministru, filwaqt li l-poplu rrikonoxxa li dan il-Gvern solva ħafna mill-problemi li ffaċċa fl-aħħar snin, jifhem ukoll li hemm problemi ġodda li jridu jiġu megħluba fosthom it-tniġġis fil-klima.

“Possibilità li l-età tal-edukazzjoni obbligatorja togħla għal 18-il sena”

Dwar l-edukazzjoni, l-Prim Ministru qal li trid issir diskussjoni dwar il-possibilità li l-età tal-edukazzjoni obbligatorja togħla għal 18-il sena. Huwa stqarr li dawn huma deċiżjonijiet li se jaffettwaw ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu. Huwa qal li l-Gvern Laburista ta lill-għalliema l-ikbar żieda li qatt ingħataw.

Joseph Muscat ħela l-ħin jiddefendi kriżi li ħoloq hu stess fl-edukazzjoni – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li Muscat qal li naqqas l-ammont ta’ Early School Leavers meta Malta qiegħed fit-tieni post fl-Ewropa bl-ogħla ammont ta’ student li ma jkomplux l-istudji tagħhom. Skont il-PN, Muscat prova jiġġustifika l-pagi tal-għalliema li huma aktar baxxi mill-medja  billi qabbilhom ma ta’ pajjiżi oħra.