Kull avukat għandu jkun etiku – avukat ġdid

William Vella li ggradwa riċentement mill-Università ta' Malta mill-kors tal-liġi qal li rrispettivament jekk wieħed ikunx avukat ġdid jew le, avukat irid dejjem jirrispetta l-etika tal-professjoni.
Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt Vella qal li l-approċċ lejn il-klijent minn avukat ġdid irid ikun wieħed xieraq u addattat. Vella stqarr li “irrispettivament jekk intix avukat ġdid jew le, inti għandek dejjem tħares l-interessi tal-klijent sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi.”
Vella qal li t-tranżizzjoni minn student tal-liġi għal avukat mhix waħda faċli. Stqarr li minn sitwazzjoni fejn l-istudent ikun fuq bank tal-iskola, jispiċċa f’realtà oħra li hija dik tad-dinja tax-xogħol. Madanakollu, għal Vella din kienet esperjenza mill-isbaħ għax beda japplika dak li studja għar-realtà ta’ kuljum.
Vella riċentement ġie mitlub jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ studenti tal-post-sekondarja bħala parti minn proġett tal- Assoċjazzjoni Studenteska Ewropea tal-Liġi f’Malta (ELSA Malta). L-ELSA hija għaqda b’ rapreżentazzjoni f'44 pajjiż madwar l-Ewropa kollha, u preżentament għandha aktar minn 50,000 student membru. ELSA Malta hija parti minn din lassoċjazzjoni internazzjonali.
L-aktar proġett riċenti tal-ELSA Malta kien jikkonsisti fi żjarat ġewwa istituzzjonijiet post-sekondarji madwar Malta u Għawdex . L-għan ta’ din l-inizjattiva kien li l-istudenti prospettivi tal-liġi jingħataw informazzjoni dwar il-kors tal-liġi kif ukoll xi pariri dwar il-ħajja universitarja.
Mistoqsi dwar xi sfidi jiffaċċja avukat ġdid, Vella qal li l-fatt li wieħed irid jidra fid-dettall il-proċedura tal-Qorti hija sfida kbira nnifisha. Skont Vella, bejn it-teorija u l-prattika xi kultant ikun hemm baħar jaqsam. Qal li avukat ġdid jista’ ibati sakemm jaqbad ir-ritmu u l-kompetizzjoni li teżisti fuq il-post tax-xogħol u bejn id-ditti legali differenti.
Ma’ Newsbook.com.mt Vella qal li jinsab konvint li l-avukati li għadhom jibdew fid-dinja tax-xogħol flimkien mal-istudenti tal-liġi dejjem juru r-rispett u jesprimu l-fiduċja tagħhom fil-ġudikatura Maltija.
Iż-żjarat tal-ELSA Malta bdew minn Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar, li ġiet segwita minn żjara ġewwa St Aloysius College, Birkirkara. L-aktar żjara riċenti kienet dik f’ Sir M.A. Refalo Center for Further Studies fir-Rabat, Għawdex. Għal din l-aħħar żjara attenda l-avukat William Vella u d-Direttur għall-Affarijiet Akkademiċi tal-ELSA Malta Chris Grech.