“Kull arterja li toffri diffikultà fit-traffiku se tinstabilha soluzzjoni” – il-Ministru Borg

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li kull junction u arterja f’Malta u Għawdex li joffru xi diffikultajiet għat-traffiku se tinstabilhom soluzzjoni.
Il-Ministru Borg saħaq li qed isir ukoll xogħol sabiex l-effiċjenza u r-rizorsi ta’ Transport Malta jiżdiedu, u b’hekk dawn ix-xogħlijiet jitwettqu fl-inqas żmien possibbli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-flyover tal-Kappara, li fiha tħabbar li parti mit-triq se tinfetaħ għat-traffiku llejla wara d-9pm, il-Ministru ta dettalji dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fi nħwi oħra f’Malta.
Dwar ix-xogħlijiet f’Ħal Lija, irrimarka li ma kienx gost u pjaċir li jinqatgħu s-siġar, iżda sostna li kien meħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet mhux popolari.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed isir fir-rawndebawt ta’ quddiem l-ajruport, li hija ferm importanti għar-residenti ta’ diversi nħawi, fosthom il-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, il-Qrendi, l-Imqabba, u ż-Żurrieq
Ħabbar ukoll xogħol biex jitjieb l-aċċess għar-rawndebawt tal-Mosta Technopark, u li fil-jiem li ġejjin se titranġa wkoll il-konnessjoni bejn Triq il-Marsa u Triq l-Ingiered fl-inħawi ta’ bejn il-korsa tal-Marsa u l-Isptar St Vincent de Paul, sabiex tkun aktar sigura għas-sewwieqa.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri