“Kuljum ngħożż in-nies f’ħajti” – Stephanie

Awguri lill-preżentatriċi Stephanie Spiteri li llum qed tiċċelebra għeluq il-50 sena tagħha,. Twieldet nhar il-21 ta’ Ottubru tal-1970. Matul is-snin hija ppreżentat bosta programmi fuq TVM, Net, Max Plus u TVM2.

“F’moħħi għadni żagħżugħa imma ġismi jgħidli mod ieħor. Aktar u aktar kuljum ngħożż in-nies f’ħajti: ommi li għall-ewwel darba mhix hawn biex tawgurali f’għeluq snini, missieri li ilni xhur ma nara, iż-żewġ ħuti Anna Muscat u Magda Spiteri, ibni Michael Bugeja, is-sieħeb tiegħi Kartal Turkdogan, u ħija “adottat” tiegħi Anton Grech. Jiena mbierek ilkoll kemm intom ħbieb li jimpurtahom li jgħożżuni għal dak li jien, u li jsaħħu ħajti bl-affezzjoni ġenwina tagħho,” kitbet hi f’messaġġ fejn saħqet li l-persuni li qed tirreferi għalihom jafu min huma.

Fatt interessanti dwar Stephanie hu li fl-1988 meta kellha 17-il sena kienet irrappreżentat lil Malta fil-konkors internazzjonali ta’ Miss Universe li kien sar fit-Taiwan. Hija rrappreżentat il-lokalità ta’ Santa Venera. Tikkompeti magħha f’dik l-edizzjoni kien hemm it-Taljana Simona Ventura, li bħal Stephanie llum hija wkoll preżentatriċi.

F’dan ir-ritratt hawn taħt Stephanie meta flimkien ma’ sħabha, li sal-lum għadha ħabiba magħhom, libsu għall-karnival. Diffiċli ma tindunax liema minnhom hi Stephanie għax it-tul jikxifha żgur.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Stephanie f’għeluq sninha.