“Kuljum jiżdiedu t-talbiet tal-pubbliku” – il-President Vella

Il-President u s-Sinjura Vella jżuru l-għadd tal-muniti tal-Kampanja BOV Piggy Bank

L-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta u s-Sinjura Miriam Vella, żaru l-proċess tas-sorting u l-għadd tal-muniti relatati mal-Kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank.

Permezz tal-Kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank, mijiet ta’ karusijiet jiġu mqassma fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha f’Malta u Għawdex biex joħolqu kuxjenza dwar is-solidarjetà minn età żgħira. Dawn il-karusijiet imbagħad jinġabru u l-muniti jittieħdu fl-uffiċċju prinċipali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera fejn jingħaddu.

Il-President u s-Sinjura Vella ġew milqugħa miċ-Ċermen tal-BOV Deo Scerri, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia u l-Kap Eżekuttiv designate Rick Hunkin u ltaqgħu mal-voluntiera tal-Malta Community Chest Fund Foundation u l-impjegati tal-BOV li kienu fil-proċess biex jissortjaw u jgħoddu l-ammont kbir ta’ muniti miġbura permezz ta’ din il-kampanja.

“Dan il-proċess huwa l-fażi finali tal-kampanja, u huwa impenjattiv u laborjuż ħafna ħin”, qal iċ-Ċerman tal-Bank of Valletta. “Madankollu hija wkoll l-aktar fażi li tagħtina sodisfazzjon meta naraw iċ-ċifra tal-fondi miġbura dejjem tiżdied ma’ kull borża ta’ muniti magħduda. Żgħira kemm hi żgħira kull donazzjoni, meta jingħaddu flimkien, dawn jagħmlu is-somma sabiħa li aħna nkunu kuntenti ħafna li nippreżentaw waqt ix-xandira diretta ta’ L-Istrina flimkien ma’ donazzjoni ġeneruża mill-Bank.”

Il-President Vella rringrazzja lil Bank of Valletta għall-koperazzjoni tiegħu fuq L-Istrina, l-avveniment ta’ karità annwali li bħas-snin ta’ qabel se jiġi organizzat fis-26 ta’ Diċembru. Huwa qal, “Kuljum, it-talbiet mill-pubbliku inġenerali qed jiżdiedu u għalhekk il-Malta Community Chest Fund Foundation dejjem għandha bżonn aktar fondi biex tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet tagħha, jiġifieri, biex tkopri spejjeż għat-terapija tal-kanċer u għal każijiet soċjali.”

Is-somma finali miġbura permezz tal-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank se tiġi ppreżentata lill-E.T. Il-President waqt ix-xandira diretta ta’ L-Istrina nhar is-26 ta’ Diċembru 2019.