Kuljum f’Villa Francia: Riċeviment jew attività fil-magħluq

Kważi kuljum, f’Villa Francia, isiru riċevimenti jew attivitajiet fil-magħluq.
Ma’ Newsbook.com.mt, sorsi infurmati qalu li dan qed isir, minkejja li jikkuntrasta ma’ dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-istess sorsi qalu li b’differenza minn leġiżlaturi oħrajn, f’din il-leġiżlatura kważi kuljum ikun hemm xi attività għaddejja. Spjegaw li minbarra riċevimenti privati, isiru attivitajiet tal-Fondazzjoni Marigold.
“Villa Francia hija magħrufa għal-laqgħat sigrieti”
Is-sorsi saħqu li Villa Francia hi magħrufa għal-laqgħat sigrieti jew għal nies tal-qalba, fosthom diversi kuntratturi.
Min-naħa tiegħu, fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li minn żmien għal żmien, f’Villa Francia jintlaqgħu nies differenti f’okkażjonijiet varji, kif kien jiġri fl-aħħar leġiżlatura.
Joseph Muscat kien ċaħad li flimkien ma’ familtu qed juża Villa Francia bħala residenza.
“Fil-passat kienet tintuża imma mhux daqshekk spiss”
Ma’ Newsbook.com.mt l-istess sorsi qalu li konsegwenza ta’ dawn ir-riċevimenti, qed ikun hemm nuqqas kbir ta’ parkeġġ. Spjegaw kif fil-passat, Villa Francia kienet tintuża għal delegazzjonijiet, mistednin politiċi, u biex il-Gvern jiltaqa’ ma’ għaqdiet mhux governattivi. Żiedu jgħidu li riċevimenti u festini, rari kienu jsiru.
Sostnew li r-residenti kienu jiġu infurmati li f’ċertu ħinijiet, il-parkeġġi kienu se jkunu riservati. Saħqu li llum il-ġurnata l-affarijiet qed isiru differenti.
“L-ispiża għal kull attività: Bejn €300 u €3,750”
Minkejja li fil-Parlament ma ġietx ippreżentata l-ispiża totali, għal diversi mistoqsijiet parlamentari f’seduti differenti, il-Prim Ministru wieġeb dwar attivitajiet u spejjeż li saru f’ċertu perjodi.
Sentejn ilu, il-Prim Ministru kien qal, li bejn Marzu 2013 u Ġunju 2014 saru 11-il riċeviment f’Villa Francia, bi spiża medja ta’ €1,464 għal kull wieħed. Kien spjega wkoll li fil-każ ta’ seba’ riċevimenti li saru għas-soċjetà ċivili u NGOs, l-ispiża medja kikunenet ta’ inqas minn €300.
Joseph Muscat qal li bejn Jannar u Ġunju 2014 kien hemm sitt okkażjonijiet, li fihom saru attivitajiet soċjali, ikliet u high teas.
Dwar l-2015, il-Prim Ministru spjega li saru 10 attivitajiet bi spiża medja ta’ €3,750 għal kull attività.
Din il-ġimgħa fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li bejn Jannar u Lulju 2016 saru tliet riċevimenti jew laqgħat, bl-ispiża medja tkun ta’ €310 f’kull okkażjoni.
 “L-ispiża medja fl-2015…id-doppju tal-ispiża bejn Marzu 2013 u Ġunju 2014”
Iċ-ċifri ppreżentati fil-Parlament juru wkoll li l-ispiża medja fuq attivitajiet organizzati mill-Prim Ministru u martu f’Villa Francia fl-2015, kienet iktar mid-doppju tal-ispiża bejn Marzu 2013 u Ġunju 2014.