Aġġornata(2): “Kulħadd qed jimrad; Malta ħallietna bla risposta” – Lifeline

Read in English.

Wara l-lejl li għadda, l-ekwipaġġ abbord Lifeline li bħalissa jinsab ibaħħar viċin tal-ibħra Maltin, ħabbar li hemm tliet persuni fl-isptar tagħhom li għandhom bżonn kura intensiva filwaqt li kważi kollha qed isofru minn kawża tal-baħar.

Abbord il-bastiment hemm 234-il immigrant.

F’messaġġ li ħallew fuq Facebook spjegaw kif minkejja li talbu lil-Gvern Malti sabiex jintlaqgħu fil-port Malti, s’issa għadhom ma rċevew l-ebda risposta.

Skonthom, il-kundizzjonijiet tat-temp aktar ma għadda ż-żmien aktar iggravaw.

Staqsew għalfejn mhux jitħallew jidħlu fil-port Malti minkejja l-aħbar li ħarġet ilbieraħ fejn bosta pajjiżi rrapurtaw li Malta se tkun qed tilqa’ lil dawn l-immigranti li mbagħad jitqassmu bejn erba’ pajjiżi.

Ilbieraħ il-Gvern Portugiż qal li l-bastiment Lifeline kien mistenni jidħol f’Malta biex minn hawn jitqassmu n-nies f’diversi pajjiżi Ewropej.

“Malta ma tistax tinjora persuni vulnerabbli li ħajjithom tinsab f’riskju” – PD

Il-Partit Demokratiku awgura li l-Gvern Malti jkompli jaħdem fuq il-każ tal-bastiment Lifeline, u każijiet oħra simili b’sens tajjeb, ta’ kompassjoni, b’mod dipplomatiku u b’tali mod li r-regoli internazzjonali jiġu osservati.

Spjegaw li Malta ma tistax tinjora persuni vulnerabbli bħall-immigranti, inkluż tfal u nisa tqal li għandhom ħajjithom f’riskju kbir.

“Nuqqas ta’ qbil fuq l-immigrazzjoni ma jistax jissolva billi jipperikola l-ħajja tan-nies” – NGOs Taljani u Maltin

19-il għaqda non-governattiva mill-Italja u Malta bagħtu stqarrija konġunta fejn enfasizzaw li l-protezzjoni tal-ħajja u d-dinjità umana għandhom jibqgħu prijorità assoluta.

Talbu sabiex dawk kollha fil-poter jassiguraw b’mod immedjat li l-bastiment Lifeline jidħol f’port, speċjalment meta fost il-234 immigrant hemm tfal u nisa tqal.

Spjegal li l-NGOs li jaħdmu sabiex isalvaw lil dawn l-immigranti mhux qed jiksru n-normi internazzjonali, iżda jittamaw li l-Istati jeżerċitaw l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-liġijiet internazzjonali.

Insistew, li diżgwidi politiċi għandhom jiġu solvuti mod ieħor.