“Kulħadd kien jaf min kienet Daphne” – Marlene Bonnici

Miguela Xuereb

Ir-rappreżentanta Maltija għall-Unjoni Ewropea, Marlene Bonnici, sostniet li kulħadd kien jaf min kienet Daphne. Dan qalitu meta tkellmet mal-Kumitat għall-Ġurnalisti Investigattivi, fejn wegħdet ukoll li kienet se tressaq dak li kien qed jinkwieta lill-kumitat għall-attenzjoni tal-awtoritajiet relevanti.

Dan ħareġ fir-rapport annwali tal-Kumitat għall-Ġurnalisti Investigattivi. Dan il-kumitat jissielet sabiex jiddefendi l-prinċipju bażiku li l-ġurnalisti għandhom ikunu ħielsa li jirrappurtaw l-aħbarijiet mingħajr biżà.

Fost il-każi ta’ ġurnalisti assassinati, il-kumitat iddedika żewġ faċċati speċifikament għall-ġurnalista assassinanta f’Malta.

Il-kumitat spjega kif Daphne Caruana Galizia inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Semmew kif dan seħħ ftit tas-sigħat wara l-aħħar blogg tagħha bil-famużi kliem “there are crooks everywhere you look now, the situation is desperate.”

Il-Kumitat qal kif il-ġurnalista nqatlet fl-età ta’ 53 sena permezz ta’ karozza bomba. L-assassinju tagħha qajjem kommossjoni madwar id-dinja kollha. Il-Kumitat spjega li kkontribwixxa finanzi għall-vġili għal Caruana Galizia ġewwa Brussell, Londra u Washington. Waqt vġili fi Brussell, rappreżentanti tal-Kumitat insistew li l-Unjoni Ewropea hemm bżonn li taħseb dwar kif se tipproteġi l-ġurnalisti fi ħdanha.

Aqra r-rapport sħiħ minn hawn.