Kulħadd jista’ jagħmilha ta’ interpretu u traduttur fil-Qorti -GWU

Il-General Workers Union (GWU) qalet li bħalissa kulħadd jista’ jaqbad u jagħmilha ta’ interpretu jew traduttur waqt xi proċedura fil-Qorti, saħansitra jekk il-persuna ma jkollhiex il-kwalifiċi meħtieġa.
Fi stqarrija, il-GWU filmkien mal-Court and Police Interpreters and Translators Association (CPITA) li hija affiljata magħha, kompliet tgħid li s-sitwazzjoni preżenti tista’ anke tippreġudika l-eżitu tal-kawżi nfushom.
Fi stqarrija, il-Unjin iddeskriviet is-sitwazzjoni għat-tradutturi u interpreti fil-Qorti bħala “inaċċettabbli”. Spjegat li tradutturi u interpreti li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Pulizija u lill-Qrati qed jaraw li x-xogħol tagħhom qed jingħata lil nies li la huma kwalifikati u lanqas huma professjonali f’xogħolhom.
Il-CPITA saħqet li fil-Qorti mhux qed tingħata attenzjoni lejn il-kwalità u l-kapaċità tal-persuni li jagħtu dawn is-servizzi.
Il-CPITA-GWU enfasizzat ukoll li l-mod ta’ kif huma ttrattati l-interpreti u t-tradutturi meta jiġu msejħa bħala esperti tal-Qorti huwa inferjuri għall-mod li bih huma jiġu ttrattati esperti oħra, speċjalment fejn jidħlu ħlasijiet. 
Il-Unjin temmet tgħid li hemm ħtieġa għal miżuri li jirrikonoxxu l-professjonalità tat-tradutturi u l-interpreti kwalifikati. Issuġġerixxiet li biex wieħed ikun jista’ joffri dan is-servizz għandu jkun ikkwalifikat u jingħata liċenzja biex iwettaq dan it-tip ta’ xogħol.