​Kulħadd jgħid tiegħu dwar il-President fir-riklam tal-ħalib

In-nies ma żammewx lura milli jgħidu tagħhom dwar ir-ritratt promozzjonali li ħarġet il-kumpanija tal-ħalib Benna li juri lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca b’tazza ħalib fuq mejda quddiemha.
Il-kummenti li dehru taħt ir-ritratt orġiniali, madwar 20, kienu fil-maġġoranza tagħhom kontra r-riklam.

Kien hemm min qal li dan juri diżrispett lejn l-Uffiċju tal-President u qalu li dan kien aġir “diżgustanti”.

Mill-banda l-oħra kien hemm min qal li l-President ma kienet qed tagħmel xejn ħażin billi tappoġġja prodott lokali.
Il-paġna fuq Facebook Dairy Farmers Malta irringrazzjat lill-President għas-sapport tagħha.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma kienx jaf x’ħa jaqbad jgħid dwar il-każ. Beda jispera li kienet xi ċajta jew li kien ritratt magħmul bil-photoshop.

Meta fl-2010 ritratt tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama intuża f’riklam tal-ħwejjeġ mingħajr permess, kelliem għall-White House qal li “Il-White House għandha politika stabbilita li ma tapprovax l-użu tal-isem tal-President jew ritratt tiegħu għall-użu kummerċjali”.