Kulħadd irid jgħin lit-tfal immigranti – Michelle Muscat     

Michelle Muscat qalet lil Newsbook.com.mt li t-tfal huma l-istess madwar id-dinja kollha, u kulħadd għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jgħinhom.

Dan qalitu meta ġiet mistoqsija fuq kif tħossha dwar it-tfal tal-immigranti li qegħdin imutu huma u jitħallew il-baħar, wara li Malta għalqet il-portijiet tagħha għall-bastimenti tal-NGOs il-ġimgħa li għaddiet.

Muscat saħqet li bħala katina waħda, il-pajjiżi kollha għandhom jagħtu l-għajnuna tagħhom f’sitwazzjonijiet estremi bħal dawn, u r-responsabbiltà m’għandhiex taqa’ fuq Malta biss.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jagħlaq il-portijiet Maltin kienet ikkundannata mill-NGOs li jaħdmu mal-immigranti. Huma qalu li din id-deċiżjoni timmina l-protezzjoni tal-ħajja umana fil-fruntieri Ewropej u se twassal għal sitwazzjonijiet aktar perikolużi għar-refuġjati u persuni li qed ifittxu l-ażil.

L-isqfijiet Maltin pubblikament qed jappoġġjaw it-talba tal-NGOs. L-Arċisqof Scicluna, li bħalissa qiegħed fuq pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa, qal permezz li sitwazzjoni bħal din għandha tappella għas-sentiment uman.

Bħala President tal-iSpecial Olympics, Michelle Muscat dalgħodu attendiet il-ġimgħa ddedikata lis-saħħa tat-tfal b’diżabbiltà, inizjattiva tal-Fondazzjoni Marigold.