“Kulħadd irid iħallas prezz għan-nuqqasijiet tiegħu” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li trid tittieħed azzjoni ċara għaliex kulħadd irid iħallas prezz għan-nuqqasijiet tiegħu.

Dan qalu hu u jirrifletti fuq it-traġedja li seħħet din il-ġimgħa, meta Miriam Pace ta’ 54 sena tilfet ħajjitha għax iġġarrfet darha fil-Ħamrun. Nhar il-Ħadd li ġej, f’Jum il-Mara, kienet se tagħlaq 55 sena.

Il-Prim Ministru kien qed jindirizza attività ta’ Nisa Laburisti bit-tema “Il-flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol.”

Huwa insista fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika, u ħeġġeġ lil dawk preżenti, “Tkunux spettaturi. Kunu protagonisti.” Semma l-bidla fl-elezzjoni li jmiss meta għandhom ikunu żgurati 12-il siġġu fil-Parlament għan-nisa.

Stqarr li l-ħolma hija li fl-elezzjoni ta’ wara, ma jkunx hemm bżonn dan il-mekkaniżmu, u f’ta’ wara, dan il-mekkaniżmu jkun meħtieġ għall-irġiel.