“Vjolenza domestika, kulħadd imsakkar f’daru… problema ikbar”

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-pjaga tal-vjolenza domestika qed issir iktar problematika f’dawn iż-żminijiet tal-coronavirus. Fisser li dan minħabba li kulħadd hu msakkar fi djaru.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, Camilleri qal li kien hemm diversi għaqdiet non-governattivi li ressqu għand il-Gvern biex jesprimu t-tħassib tagħhom.

Huwa qal li f’Marzu l-każijiet ta’ vjolenza domestika kienu 117 u naqsu għal 107 f’April.

Intant, il-Ministru Zammit Lewis qassam 200 maskra protettiva lil Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan, post li jistgħu jirrikorru għalih vittmi tal-vjolenza domestika, meta ma jħossuhomx siguri f’darhom. Toffri wkoll servizzi ta’ counselling u tgħinhom jerġgħu jirritornaw fis-soċjetà billi anke ssibilhom akkomodazzjoni alternattiva.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn