Kulħadd għandu dritt għall-Ħajja u l-Kuntentizza

Papa Franġisku jkellem persuni vulnerabbli dwar id-drittijiet tagħhom

Hu ta’ dispjaċir li wieħed jinnota li 70 sena wara li kienet approvata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani min-Nazzjonijiet Uniti, għad hawn ħafna drittijiet fundamentali li qed ikunu miksura u disprezzati.

Il-Papa Franġisku ilu għaddej bla waqfien f’kampanja favur id-drittijiet umani li huma mċaħħda lil ħafna nies madwar id-dinja. B’mod partikolari matul din is-sena, il-Papa tkellem u kkundanna ċar u tond id-disprezz ta’ dawn id-drittijiet.

Meta fil-bidu ta’ din is-sena kellem lill-ambaxxaturi akkreditati għan-Nazzjonijiet Uniti, Papa Franġisku kien qal li “hemm rabta sinjifikanti bejn il-messaġġ tal-Vanġelu u r-rikonoxximent tad-drittijiet umani li kellhom f’moħħhom dawk li fasslu d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani”.

Dakinhar il-Papa kien irrefera għas-70 anniversarju li qed ikun imfakkar f’dawn il-ġranet u qal li d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1948 għarfet li l-pedament tal-libertà, il-ġustizzja u l-paċi fid-dinja hu bażat fuq id-dinjità u d-drittijiet ugwali u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana.

Il-Papa rrikonoxxa li bil-passaġġ taż-żmien u b’mod partikolari bit-tibdil soċjali tas-snin sittin l-interpretazzjoni ta’ ħafna minn dawn id-drittijiet inbidlet, filwaqt li żdiedu drittijiet oħra.

Paradossalment, f’isem id-drittijiet umani llum qed niffaċċjaw ir-riskju “ta’ forom ġodda ta’ kolonjaliżmu ideoloġiku minn dawk b’saħħithom u sinjuri għad-detriment tal-fqir u l-vulnerabbli”. Il-Papa saħaq li xejn, “anqas it-tradizzjonijiet ta’ popli individwali” m’għandhom ikunu użati biex jitkasbru “id-drittijiet fundamentali mnaqqxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani,”

F’diversi okkażżjonijiet matul din is-sena, il-Papa Franġisku ripetutament tkellem u kkwota minn Eżortazzjonijiet Appostoliċi biex jikkundanna l-fatt li ħafna drittijiet fundamentali għadhom qed jinkisru sal-ġurnata tal-lum.  B’mod partikolari l-Papa semma dawn id-drittijiet:

  •  Id-Dritt għall-Ħajja, partikolarment tat-trabi mhux mitwielda u tal-anzjani;
  •    Id-drittijiet tan-nisa li jsofru ‘vjolenza u oppressjoni anke fil-familja tagħhom stess;
  •  Id-drittijiet tal-vittmi tat-traffiku uman u forom ġodda ta’ skjavitù;
  •   Id-dritt għall-ikel u x-xorb;
  •    Id-dritt għall-kura medika li “m’hix prodott ta’ konsum imma dritt universali;
  •    Id-dritt li wieħed jgħix fil-paċi;
  •    Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon;
  •    Id-dritt għax-xogħol’
  •    Id-dritt tal-emigrazzjoni u l-libertà tal-moviment;
  •     Id-dritt li wieħed jifforma familja;
  •    Id-dritt tat-tfal li jkollhom omm u missier;
  •    Id-dritt tal-ġenituri li jipprovdu edukazzjoni reliġjuża u morali tal-għażla tagħhom lil       uliedhom;
  •    Id-dritt li ma tkunx kolonizzat minn dawk li jridu jimponu ċerti ideoloġiji bħal         Ideoloġija tal-Ġeneru;
  •   Id-dritt tal-oġġezzjoni ta’ kuxjenza;
  •   Id-dritt tal-libertà tal-kelma li hu estiż anke għall-Knisja;
  •    Id-dritt li tirċievi u tipprokla l-Evanġelju;
  •    Id-dritt li tkun ferħan.