“Kulħadd għandu d-dmir li jaħdem għall-ġustizzja”

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emigranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta saħqu li huwa il-bniedem u mhux l-‘alla tal-flus’ li għandu jkun fiċ-ċentru tas-sistemi soċjali u ekonomiċi, jekk irridu li ssaltan il-ġustizzja soċjali.
Huma qalu li huwa d-dmir ta’ l-Insara kollha li jaħdmu għall ġustizzja. 
F’messaġġ li jfakkar il-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali, tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fakkru li l-faqar hu reali u li hemm min qed jitqabad biex jgħix. Fakkru fi kliem il-Papa Franġsku li l-faqar mhuwiex sfortuna inevitabbli u l-kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati u jitneħħew.
Bħalma t-tema magħżula mill-Nazzjonijiet Magħquda għall-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali tiffoka fuq il-migrazzjoni, id-dokument taż-żewġ kummissjonijet jirrifletti dwar kif jissawru l-liġijiet u l-politiki ta’ Malta dwar il-migrazzjoni u l-ażil aktar ġusti.
Dan jista’ jsir billi l-pajjiż jiffoka aktar fuq in-nies u jipprovdi trattament iktar ugwali għall-immigranti u r-refuġjati li qed jgħixu Malta.
Il-kummissjonijiet ħeġġew biex, fost affarijiet oħra, jinħoloq qafas legali b’saħħtu biex jipproteġi lill-ħaddiema immigranti minn sfruttament ekonomiku.
Saħqu li għandhom jitqiesu l-bżonnijiet tal-immigranti biex ikollhom stabbiltà u inklużjoni sħiħa fis-soċjetà, filwaqt li jingħataw id-dritt li jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom f’Malta.
Il-kummissjonijiet affermaw l-importanza li jiġu aċċettati s-sejħiet għall-ħolqien ta’ mezz legali li jirregolarizza lill-immigranti li ma jistgħux jirritornaw lura u li għamlu Malta d-dar tagħhom, sabiex jippermettilhom jgħixu b’dinjità u jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-Kummissjonijiet qalu li filwaqt li l-Gvern iġorr il-piz leġiżlattiv, saħqu li hu d-dmir tal-Insara kollha li jaħdmu għall-ġustizzja.
Huma appellaw biex, fir-Randan, l-Insara jiġġieldu kontra l-indifferenza u jkunu aktar konxji tal-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor; jilqgħu lill-barranin u jiftħu l-komunitajiet u l-parroċċi għall-immigranti u r-refuġjati; jirrispettaw id-dinjità tal-immigranti u r-refuġjati billi jimxu b’rispett u tolleranza u, jaħdmu biex jiksbu ugwaljanza vera billi jitneħħew il-kawżi tal-faqar u l-inġustizzja jiġu indirizzati minn dawk li għandhom is-setgħa li jagħmlu dan.
Aqra r-rapport sħiħ hawn taħt.