Kul il-faqqiegħ kuljum kontra d-Diabete

Studju ġdid juri li meta tiekol porzjon kuljum ta’ faqqiegħ, tevita d-Diabete tat-tip 2. Ġrieden li fl-istudju ingħataw il-faqqiegħ abjad ta’ kuljum kellhom żieda fil-batterji tal-imsaren, li huma nvoluti fil-produzzjoni taz-zokkor fil-ġisem. Il-porzjon huwa ekwivalenti għal 85 gramma fil-bnedmin.

Skont ir-riċerkaturi, il-faqqiegħ iservi ta’ prebiotiku, li huwa ikel mhux diġestibbli li ‘jiffertilizza’ il-batterji tajbin fis-sistema diġestiva.

L-awtriċi tal-istudju, il-Prof. Margherita Cantorna, mill-Università ta’ Pennsylvania qalet, “Il-kontroll taz-zokkor fil-ġisem għandu implikazzjonijiet għad-diabete kif ukoll għal kundizzjonijiet oħra tal-metaboliżmu.”

Id-diabete tat-tip 1 isseħħ meta l-livell taz-zokkor jiżdied minħabba nuqqas tal-insulina fil-ġisem, li tikkontrolla l-moviment taz-zokkor fiċ-ċelloli. Fid-diabete tat-tip 2, il-livelli tal-insulina m’humiex biżżejjed jew il-ġisem mhux jirrispondi għall-insulina.

Ir-riżultati, ppublikati fil-Journal of Functional Foods, jissuġġerixxu li l-konsum tal-faqqiegħ iżid il-livell tal-batterja Prevotella fil-ġrieden irqaq li użaw fl-istudju. Issa qed jittamaw li jiksbu l-istess riżultati fi ġrieden ħoxnin u fil-bnedmin.

Il-Prof Cantorna żiedet li minbarra l-faqqiegħ fid-dieta, huwa ovvju li kwalunkwe bidla li tagħmel fid-dieta, tibdel il-ġisem għall-aħjar.