Kul Ħut Frisk – Fiera tal-Ħut fl-Imġarr Għawdex

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed jistieden lill-pubbliku ġenerali għal fiera tal-ħut fl-Imġarr Għawdex.
Il-fiera se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju bejn is-6pm u l-10pm. Il-Fiera tal-Ħut – Kul Ħut Frisk hi parti minn kampanja bil-għan li tippromwovi l-benefiċċju li jittiekel ħut frisk bħala parti minn dieta bilanċata.
Il-Fiera tal-Ħut se tinkludi numru ta’ attivitajiet bħal informazzjoni fuq ħut li ma tantx jittiekel bħall-kavall, il-kaħli, l-awrat, l-ispnott u l-merluzz, tingħata informazzjoni fuq kif issajjar il-ħut, flimkien ma’ gwida kif issajjar riċetti li huma sempliċi u tajbin id-dar u kids area. Ikun ukoll l-opportunità biex wieħed iduq il-ħut b’xejn.
Il-kampanja Kul Ħut Frisk hi kampanja ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, immexxija mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u appoġġjata minn persuni u organizzazjonijiet relevanti u msieħba bħall-Għaqda Koperattiva tas-Sajd, il-Malta Chef Society, il-Fondazzjoni San Pietru, il-Fishing Trawlers Association, fish4tomorrow, il-Federation of Maltese Aquaculture Producers u l-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd. Il-kampanja hi ko-finanzjata 75% Fondi UE u 25% Fondi Nazzjonali.
Stqarrija maħruġa mid-Dipartiment spjegat li “l-ħut frisk hu wieħed mill-aktar ikel tajjeb għas-saħħa għal kull età u bhekk hu importanti li jkun parti mid-dieta ta’ kulħadd. Ħut frisk hu sors importanti tal-omega 3, għandu ħafna proteini u ma tantx għandu xaħam saturat. Il-ħut frisk għandu ħafna nutrijenti bħall-Vitamina D u selenium”.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.