Kuġin ta’ Yorgen isir Konslu Onorarju għall-Maċedonja

Matthew Fenech, il-kuġin ta’ sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech inħatar konslu tal-Maċedonja ta’ Fuq għal Malta.

Avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar il-Ġimgħa, javża li Fenech inħatar Konslu Onorarju bl-indirizz tal-konsolat f’Malta jiġi indikat bħala appartament f’Portomaso.

Fenech inħatar mill-Gvern Maċedonjan u mistenni li jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-Gvern tal-Maċedonja għamel sforzi kbar f’dawn l-aħħar snin bit-tentattiv li jingħaqad mal-familja Ewropea u jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Tant hu hekk li saħansitra biddel ismu minn Maċedonja għal Maċedonja ta’ Fuq biex itemm kunflitt mal-Greċja li kienu ilu jtul is-snin mindu l-pajjiż infired mill-Jugoslavja fil-gwerra tal-Balkani fl-1991.

Malta diġà tat l-appoġġ tagħha għal din il-kandidatura tal-Maċedonja ta’ Fuq direttament u pubblikament fejn saħansitra fis-summit tal-UE ta’ Ottubru li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-Unjoni Ewropea wriet nuqqas ta’ kredibilità u għamlet azzjoni ħażina lill-Maċedonja u l-Albanija meta pposponiet d-deċiżjoni li tiftaħ in-negozjati ma’ dawn il-pajjiżi.

Fl-1 ta’ Frar 2016, Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona għamel xi żmien jgħix fl-appartament ta’ ħu Matthew, in-negozjant Silvan Fenech, li skont il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hu ħabib tal-istess Cardona.

Yorgen Fenech, il-kuġin tal-Konslu Onorarju l-ġdid, jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.