Ktieb rigal għat-tfal kollha

L-awtur u illustratur Ġorġ Mallia għadu kif ħareġ ktieb ta’ fantasija għat-tfal li l-isfond tiegħu hija s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna, bit-tfal id-dar għax l-iskejjel magħluqin. Il-ktieb qed jingħata b’xejn fil-forma ta’ pdf, bħala rigal mingħand l-awtur lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha.

Dwar il-ktieb L-Avventura Msaħħra ta’ Melanie u Karl, Ġorġ Mallia qal hekk lil Newsbook: “Din hija sitwazzjoni li qatt ma kellna bħalha. It-fal kollha qegħdin id-dar, bil-ġenituri jħabbtu moħħhom biex isibu ħafna modi kif iżommuhom okkupati. Qed nittama li waħda minn dawn il-modi hija l-qari, u x’hemm aħjar minn ktieb li jibda, appuntu, bit-tfal maqbudin id-dar minħabba fl-imxija tal-Covid-19?”

Il-ktieb jiżviluppa f’fantasija li fiha t-tfal protagonisti, Melanie u Karl, jgħaddu minn ġo ktieb imsaħħar u jsibu rwieħhom ġo dinja li fiha r-rgħiba qerdet kollox.  Isibu wkoll li għandhom xi ħaġa fihom li tista’ tgħinhom jiġġieldu biex isalvaw l-ambjent meqrud ta’ dik id-dinja.

“Il-ktieb ried bilfors ikun avventura eċċitanti, għax it-tfal għandhom jaqraw biss dak li jogħġobhom,” qal Ġorġ Mallia. “Qed nittama li dal-ktieb, li jistgħu jniżżluh u jaqrawh fuq il-kompjuters, tablets jew smartphones tagħhom, ikompli jħeġġiġhom jaqraw. Dak huwa mod eċċellenti kif jaħarbu għal ftit mill-għeluq ta’ djarhom għal fejn timrah l-immaġinazzjoni tagħhom.”

Huwa żied jgħid li qed jittama li jkun hemm awturi oħrajn li jieħdu spunt minn din l-inizjattiva u jirriflettu x’qed jiġri madwarna bħalissa fl-istejjer tagħhom.

Il-Professur Mallia, li huwa wkoll il-kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Kommunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, huwa magħruf l-aktar bħala kittieb ta’ kotba għat-tfal u bħala kartunist. Fil-fatt, il-ktieb fih ukoll tlettax-il stampa maħduma fl-istil tal-cartoons.

Il-ktieb jista’ jitniżżel b’xejn minn http://www.gorgmallia.com/avventura.html.