Ktieb klassiku fil-letteratura Maltija għat-tfal se jinħadem għat-TV

Mill-pinna ta’ Trevor Żahra, b’addattament ta’ Domnic Said, f’Diċembru li ġej fuq l-istazzjon One se tasal is-sensiela Ġrajjiet ta’ Nannu Ċens.

Charles Falzon, Stephanie Sacco, Clayton Pace, Ileana Cutajar, Neil Attard, Mireille Mifsud u Louis Gatt huma l-protagonisti ta’ din is-sensiela għall-familja kollha li l-ġbid tagħha beda proprju ftit tal-jiem ilu.

Filwaqt li għal uħud il-Ġrajjiet tan-Nannu Ċens se jkunu xi ħaġa ġdida, għal ħafna oħrajn, il-karattru se jkun qed iġedded ħafna memorji minħabba li huwa ktieb klassiku fil-letteratura Maltija għat-tfal.

Għal min ma jafx, in-Nannu Ċens kien joqgħod mal-familja t’ibnu, bit-tliet neputijiet, Irene, Tony u Marisa dejjem iduru madwaru. Il-praspar li kien jidħol fihom in-Nannu, jew li kienu jdaħħluh fihom it-tfal, bilkemm jitwemmnu.

Imma ġraw tassew u daqqa l-vittma jkun in-nannu u daqqa jkunu t-tfal.

Id-direzzjoni viżiva ta’ dan il-proġett televiżiv se tkun f’idejn Clayton Pace.