‘Ktieb Kbir’ għat-tfal kollha tal-Kindergarten II dwar Tamara

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal nieda Ktieb Kbir (Big Book) bil-Malti, bl-isem “Tamara – il-Ħmara li m’hawnx bħalha”.
L-għan tal-ktieb hu li jippromwovi d-diversità u l-integrazzjoni fost it-tfal żgħar, li huma prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
Il-ktieb se jintuża bħala għodda tat-tagħlim għat-tfal tal-Kindergarten II f’kull skola f’Malta u f’Għawdex għas-sena skolastika li jmiss.
B’hekk, it-tfal jiġu esposti għall-qari minn età żgħira, iżidu l-kreattività tagħhom u jgħinuhom jaħsbu u jaqraw b’mod kollettiv.
L-istorja ta’ Tamara, miktuba bir-rima, inkitbet minn Tania Mangion, EO tas-Snin Bikrin waqt li l-ktieb sar fuq disinn ta’ Peter Aquilina, li hu student tal-MCAST.
Il-ktieb għandu miegħu CD bi kwiżż, leħħiet u tpinġijiet tal-karattri.
Il-Ktieb Kbir tnieda fil-Kulleġġ San Benedittu, fl-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq, fejn membri tad-Drama Unit irreċtaw l-istorja ta’ Tamara.
Helen D’Amato, il-Kummissarju għat-Tfal, irringrazzjat lil dawk kollha involuti f’din l-inizjattiva u ħeġġet biex din tittieħed ukoll minn oħrajn biex jiżdiedu l-kotba ta’ din ix-xorti bil-Malti.