Ktieb interessanti dwar il-Kardinali maħtura mill-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku hu magħruf fost affarijiet oħra, għas-sorpriżi li jħobb jagħti. Uħud minn dawn kienu rrakkontati minn grupp ta’ kardinali u ppubblikati fi ktieb intitolat “Tutti gli Uomini di Francesco”.
Biex jinfurmahom li kien se jaħtarhom Kardinali, il-Papa Franġisku ċempel lil wieħed minnhom u qajmu f’nofs ta’ lejl; lill-ieħor infurmah meta kien f’ajruport se jsiefer u ieħor saħansitra waqt ikla mal-ħbieb.  B’dan il-mod tiegħu l-Papa ħasad 61 persuna mill-erbat irjieħ tad-dinja li ħatar kardinali f’erba' konċistorji li għamel kull sena mill-2014 sat-2017.
Fil-fatt f’dawn is-snin il-Papa Franġisku ħatar 49 Kardinal elettur li għandhom anqas minn 80 sena u allura jivvutaw fl-elezzjoni ta’ Papa u 12 oħra aktar anzjani u allura ma jivvutawx.  Dawn ġejjin minn 43 pajjiż differenti li 15 minnhom qatt qabel ma kellhom Kardinal.
Il-ktieb miġbur minn Fabio Marchese Ragona, ġurnalist Taljan li jispeċjalizza f’aħbarijiet mill-Vatikan u l-Knisja Kattolika, kien ppubblikat fl-Italja mill-pubblikaturi “San Paolo”. Fih hemm rakkonti qosra minn kważi l-Kardinali kollha li ħatar il-Papa preżenti li juru l-għażliet u r-raġunijiet tal-Papa wara dawn il-ħatriet.
Għaliex, pereżempju, fil-Konċistorji tiegħu l-Papa Franġisku jippreferi djoċesijiet mill-ibgħad postijiet tad-dinja għad-detriment ta’ bliet importanti minn fejn tradizzjonalment kienu jinħatru l-Kardinali? Għaliex ma jinformax qabel iħabbar li se jaħtar lil xi Karidnal?
Il-ktieb iwieġeb dawn il-mistoqsijiet kollha u oħrajn. Hu vjaġġ li jitlaq mill-Vatikan u jispiċċa fl-Oċeanja fejn hemm il-Kardinal Soane Patita Piani Mafi tal-gżira ta’ Tonga, li hu l-aktar wieħed li jgħix bogħod mill-Vatikan.
Il-qarrej ta’ dan il-ktieb ta’ 400 paġna żgur jieħu gost jaqra u jsir jaf xi dettalji kważi komiċi mill-bijografiji u l-karattri ta’ wħud mill-eqreb kollaboraturi tal-Papa.
Wieħed minn dawn il-Kardinali kien jgħix ma’ ommu u kien iħobb jilbes il-jeans; ieħor kien iqum kmieni filgħodu u jagħmel sessjoni jerfa’ l-piżijiet (weightlifting); wieħed kien jivvjaġġja dejjem fuq mutur; ieħor meta kien tifel kien joqgħod iqaddes il-quddies. Dan kien is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin.
Fid-daħla tal-ktieb, il-Kardinal Andes Rodriguez Maradiaga, Arċisqof ta’ Tegucigalpa fil-Konduras jgħid: “Naturalment ma nistax ngħid x’jiġri fil-Kappella Sistina waqt il-konklavi, imma nista’ ngħid ħaġa waħda: meta beda jidher ċar li l-Arċisqof ta’ Buenos Aires se jkun il-Papa, l-Ispirtu s-Santu, minkejja l-ostakli, għamel din l-għażla realtà".
Il-ktieb kien preżentat lill-Papa Franġisku waqt udjenza riċenti, li min-naħa tiegħu wera l-apprezzament tiegħu għal din il-pubblikazzjoni.