Ktieb ġdid x’taqra u ieħor x’tisma’

Heritage Malta nediet ktieb ġdid bl-isem Il-Misteru ta’ taħt is-Siġra tal-Ħarrub kif ukoll verżjoni awdjo tal-ktieb ippubblikat riċentament, Valletta – my city, my story.
It-tnedija saret aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Katakombi ta’ San Pawl.
Miktub minn David Azzopardi, il-ktieb jitratta avventura ta’ grupp ta’ żgħażagħ wara li jiskopru kumpless ta’ katakombi. Ir-rakkont huwa wieħed mexxej u jħalli lill-qarrej imwaħħal mal-paġni. L-illustrazzjonijiet tal-ktieb huma magħmula minn Dean Fenech.
Intant, l-attur Alan Parnis huwa n-narratur tal-awdjo tal-ktieb. L-għan primarju ta’ dan il-proġett huwa li tagħmel dan il-ktieb aċċessibbli għal persuni neqsin mid-dawl, kif ukoll biex tgħin fit-tagħlim tal-Ingliż fl-iskejjel.
Dawn iż-żewġ xogħlijiet għandhom is-siġill tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Għal aktar tagħrif tista’ tidħol fit-sit ta’ Heritage Malta.