Ktieb dwar il-Papa jqajjem kontroversja kbira

Ktieb elettroniku publikat bl-Ingliż u bit-Taljan fuq is-sit “Kindle” qajjem kontroversja kbira u tfittxija għall-awtur veru tiegħu billi min kitbu poġġa l-psewdonimu ta’  “Marcantonio Colonna” li kien ammirali li ġġieled fil-Battalja ta’ Lepanto.
Il-ktieb intitolat “Il-Papa Dittatur” jagħmel diversi allegazzjonijiet u akkużi fuq il-Papa Franġisku u saħansitra jgħid li hu dittatur filwaqt li jallega li l-informazzjoni fil-ħtieb inkisbet minn sorsi fil-Vatikan u dokumenti oħra.
L-awtur jgħid li hu studja fl-Universita’ ta’ Oxford u issa hu bażat f’Ruma.  Il-ktieb jitkellem dwar il-Pontifikat tal-Papa Franġisku kif ukoll fuq episodji minn ħajtu qabel ma nħatar Kap tal-Knisja Kattolika.
Il-ġurnalista Tess Livingstone kiteb f’gazzetta Awstraljana li dan il-ktieb qajjem kontroversja sħiħ u tfittxija għall-awtur.
Il-ktieb ixebbaħ lill-Papa Franġisku mal-figura Arġentina ta’ Juan Peron li meta kien President tal-Arġentina kien juri li qed jipprova jaqbel ma’ kulħadd u jgħid lill-partijiet li jkunu f’kunflitt li t-tnejn għandhom raġun.  Skont “Colonna” dan jispjega d-dikjarazzjonijiet ta’ stqarrijiet kultant liberali u kultant konservattivi, tal-Papa Franġisku.  Il-ktieb jissuġġerixxi li waqt li kien għadu jgħix fl-Arġentina, l-Arċisqof Bergoglio telaq minn pożizzjoni dottrinali konservattiva għal waħda aktar liberali.
F’ħafna istanzi il-ktieb hu aħrax ħafna u jikkwota qassis li allegatament ħadem mal-Arċisqof tal-Arġentina għal ħafna snin li jgħid “Dan ir-raġel jimmanipulak kif irid”.
Parti kbar mill-ktieb jikkonsistu f’analiżi mill-qrib ta’ diversi kontroversji li kkarateriżżaw il-pontifikat tal-Papa Franġisku, fosthom is-Sinodu dwar il-Familja, ir-riforma tal-finanzi tal-Vatikan u l-kwestjoni mal-Kavallieri ta’ Malta.
“Colonna” jgħid li l-Papa ma hux kontabbli u li fil-Vatikan teżisti atmosfera ta’ biża’. Papa Franġisku hu komparat mal-Papa Pawlu IV “jippriedka l-poverta r-reliġjuża” li l-pontifikat tiegħu “spiċċa fi skandlu politiku u rewwixti popolari kontra n-nuqqas ta’ popolarita’ tiegħu”.