Ktieb dwar il-missjunarji Maltin f’70 pajjiż differenti

Ħafna jafu dwar diversi saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u lajċi li jagħmlu missjoni barra minn Malta, imma ftit jafu li l-missjunarji Maltin wettqu missjoni f’70 pajjiż differenti madwar id-Dinja.
Dun Ġwann Caruana, li għal 30 sena kien missjunarju fil-Brażil, fl-aħħar sentejn kiteb ktieb dwar il-missjunarji Maltin.
Il-ktieb, bit-titlu “The Maltese Missionary Experience,” jinkludi fih l-istorja u l-esperjenzi tal-missjunarji Maltin f’70 pajjiż differenti. Barra minn hekk jinkludi fih ukoll diversi ritratti oriġinali ta’ wħud mill-missjunarji Maltin mxerrda madwar id-Dinja.
Il-ħsieb dwar dan il-ktieb nibet meta l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech kien qed iżur id-djoċesi fejn kien qed iwettaq missjoni Dun Ġwann u t-tnejn li huma ħassew il-bżonn li fi ktieb jinġabru l-esperjenzi ta’ dawn il-persuni li wieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù biex imorru jagħllmu l-ġnus kollha.
Meta l-Ariċisqof ta’ Malta sema’ b’din l-idea kompla jħeġġeġ lil Dun Ġwann biex ifittex iwettaq din il-ħolma
Il-ktieb jinkludi introduzzjoni mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona O.P li jiddeskrivi l-ktieb bħala storja ta’ ġenerożità.
Il-ktieb jinsab u jista’ jitniżżel onlajn b’xejn minn fuq is-sit tad-djoċesi ta’ Maringa fil-Brażil.