Ktieb diġitali ġdid se jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji

Ktieb diġitali ġdid se jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji biex jutilizzaw it-teknoloġija fil-ħidma tagħhom.
Waqt seminar organizzat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni u l-MITA, esperti lokali u barranin f’dan il-qasam spjegaw u ppreżentaw diversi studji ta' każijiet dwar l-użu ta' cloud computing partikolarment adottati għall-kuntest lokali.
Il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb saret mis-Segretarju Parlamentari  għall-Kompetittività Dr Jose’ Herrera.
Dr Herrera enfasizza fuq kif dan il-ktieb diġitali jista’ jintuża bħala għodda mill-intraprendituri u enfasizza li bl-użu ta’ teknoloġija effettiva jista’ jwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli għall-kumpaniji.
F’attività oħra li saret fl-Università ta' Malta, l-istudenti, b'mod partikolari dawk mill-Fakultà tal-ICT, FEMA, l-Inġinerija u x-Xjenzi kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ dawn l-esperti fejn ġew diskussi l-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-Cloud Computing.