Ksur tar-regolamenti tat-traffiku qrib il-Kwartieri tal-Pulizija

Kull xahar, fil-jiem ta' qabel l-għaxar jum tax-xahar, Triq San Kalċidonju fil-Furjana tkun miżgħuda b'karrozzi ta' nies li jipparkjaw bl-addoċċ maż-żewg naħat tat-triq. Dawn in-nies imorru jħallu l-irċevuti tagħhom fid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku biex jipparteċipaw fil-lotterija tal-VAT.

Dan minkejja li mal-ħitan tat-triq jidhru s-sinjali tat-traffiku, u l-linji sofor mal-art, biex is-sewwieqa ma jieqfux bil-vetturi tagħhom hemmhekk. 

Id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku jinsab ftit metri ‘l isfel mill-kwartieri tal-Pulizija iżda la l-pulizija u lanqas il-gwardjani lokali ma jidhru preżenti f'din it-triq prinċipali. Ta’ spiss il-gwardjani lokali jidhru jħufu mat-toroq sekondarji tal-Furjana fejn hemm l-iskema tal-parkegg bil-ħin. 

Mir-ritratti li bagħtilna qarrej ta' Newsbook.com.mt, jidhru wkoll persuni jaqsmu bl-addoċċ min-naħa għall-oħra ta’ Triq San Kalċidonju, li f'diversi ħinijiet tal-ġurnata tkun traffikuża. Kif qalilna l-qarrej ta' Newsbook, jidher li xi nies jippreferu jittantaw xortihom għal xi somma flus, milli jagħtu każ it-traffiku u s-sewqan, b'riskju li jseħħ xi inċident. 

Newsbook.com.mt qed jibgħat dawn ir-ritratti lill-Pulizija biex jistaqsi jekk tħossx il-ħtiega li tkun preżenti biex tikkontrolla din is-sitwazzjoni ta' parkeġġ bl-addoċċ ftit metri ‘l isfel mill-Kwartieri.