“Ksur potenzjali ta’ etika minn Chris Cardona” – Hyzler

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler sab li l-eks Ministru Chris Cardona potenzjalment kiser l-etika meta wiegħed li jgħin lill-imprenditur Luke Chetcuti jakkwista parti mill-bajja ta’ San Ġiljan bħala konċessjoni.

F’Settembru li għadda, ixxandret intervista ma’ Chetcuti fuq stazzjon Franċiż, li fiha huwa ftaħar dwar rabtiet ma’ ministri u uffiċjali għoljin. Il-filmat ixxandar minn stazzjon televiżiv Franċiż bħala parti minn dokumentarju dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Semma, pereżempju, li darba ltaqa’ ma’ Cardona meta dan kien għadu Ministru u talbu jgħinu. Skont kif allega Chetcuti fil-filmat, il-Ministru Cardona minnufih bagħat messaġġ lill-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, biex jitlob l-għajnuna tiegħu dwar il-konċessjoni għax il-familja Chetcuti “dejjem għenuna”. Mizzi allegatament wieġeb billi qal, “Il-bajja naqra żgħira imma naraw x’nagħmlu biex inkabbru l-bajja.”

Dan il-filmat wassal lill-Professur Arnold Cassola biex jissottometti lment lill-Kummissarju kontra l-Ministri Cardona u Mizzi talli kienu lesti jiffavorixxu imprenditur b’riżorsi pubbliċi talli għen lill-partit politiku tagħhom.

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju sab li l-allegat skambju ta’ messaġġi bejn il-Ministri Cardona u Mizzi kien jirrappreżenta ksur potenzjali ta’ etika min-naħa tal-Ministru Cardona iżda mhux mill-Ministru Mizzi. Fir-risposta li huwa allegatament bagħat lill-kollega tiegħu, il-Ministru Mizzi ma kkommettiex ruħu favur l-għoti ta’ konċessjoni fil-bajja, skont il-Kummissarju, iżda qal biss li konċessjoni mhix possibbli fil-bajja kif inhi, u ma impenjax ruħu biex ikabbarha.

Madankollu, la Chetcuti u lanqas il-ministri konċernati ma ammettew li kien sar verament l-iskambju ta’ messaġġi. Chetcuti qal li d-diskors tiegħu fil-filmat ma kienx intenzjonat li jittieħed bis-serjetà. Fil-fehma tal-Kummissarju dawn iċ-ċaħdiet ma kinux konvinċenti, iżda huwa ma setax jiġbor provi dwar l-iskambju ta’ messaġġi.

Il-Kummissarju kkonkluda li “Li ministru jiltaqa’ waħdu, b’mod informali, ma’ persuna midħla sew tan-negozju, b’familjarità żejda, inevitabbilment jagħti lok għas-suspetti. F’dawn il-każijiet ikun aktar għaqli li l-laqgħa tkun waħda formali fil-preżenza ta’ uffiċjali.”