Aġġornata: KSU – 300 pizza għar-rimi minħabba “sabutaġġ”

Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Thomas Bugeja qal li s-sitwazzjoni kienet waħda pjanata u dan meta wieħed iqis l-ammont ta’ melħ li ntefa’ u l-ħin li ttieħed biex isir dan is-“sabutaġġ”.
Jirriżulta li d-delivery saret kmieni u persuna mhux magħrufa ffirmat b’”taħżiż” li mhux faċċli tkun identifikata.
Thomas Bugeja enfasizza li l-KSU se tieħu azzjoni dixxiplinarja u se tagħmel rapport lill-Pulizija bil-għan li anke jkunu eżaminati l-kameras tal-BOV li hemm fuq il-kampus tal-istess università.

Aktar kmieni:
Attività li kellha ssir illum mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) tħassret minħabba li kellha tintrema' l-pizza li suppost inbigħhet fuq il-Kampus.
Fuq Facebook il-KSU qal li ġew ordnati 300 pizza u meta dalgħodu l-pizzez waslu fuq il-Kampus, xi ħadd iffirma f’isem il-KSU.
Ftit qabel ma bdew ibiegħu l-pizez fuq il-Kampus, il-membri tal-Kunsill indunaw li t-300 pizza kienu miksija melħ.
F’kumment li tpoġġa fuq Facebook, li mbagħad tneħħa, il-KSU qal li dan hu każ ta’ sabutaġġ.
Il-KSU mistenni jagħmel rapport dwar dan il-każ.