Ksirtli d-drittijiet tiegħi – Ferris lill-Kummissarju

Jonathan Ferris fetaħ kawża kostituzzjonali li fiha qed jakkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li mhux biss kisirlu d-drittijiet umani tiegħu iżda għamillu wkoll dannu finanzjarju billi tellfu mill-pensjoni tas-servizz. Ferris, li kien ġie impjegat mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) wara li telaq mill-Korp tal-Pulizija, qed jallega li ħafna uffiċjali tal-pulizija kienu ġew sekondati ma’ entitajiet oħra iżda hu ma ngħatax dan il-permess. Qed jgħid ukoll li għadd kbir ta’ uffiċjali kienu reġgħu ddaħħlu fil-Korp tal-Pulizija iżda lilu ma ħallewhx jerġa’ jidħol fil-Korp.

AQRA: It-tkeċċija ta’ uffiċjali għolja tal-FIAU

Kif żviluppa l-każ

Ferris kien ilu jaħdem fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur mis-27 ta’ Settembru 2011. Iżda f’Mejju 2016, huwa kien ġie mħajjar japplika biex jiġi impjegat bħala Manager Financial Analysis mal-FIAU. Huwa tħajjar jagħmel dan billi kien qiegħed iħoss li kien hemm xi nuqqasijiet fil-Korp tal-Pulizija u fil-fatt applika sabiex jingħaqad mal-FIAU.

Ferris qed jgħid li kien għamel talba biex ikun sekondat mal-FIAU. Din, qed jgħid, kienet tfisser biss trasferiment mill-Ministeru għall-Intern għall-organizzazjoni taħt il-Ministeru tal-Finanzi.

Skont ir-rikors kostituzzjonali, mill-2013 kien hemm 26 uffiċjal tal-Pulizija li kienu ngħataw permess simili.

Bejn Awwissu u Ottubru 2016 Ferris qal li kellu diversi laqgħat mal-Kummissarju Cutajar, fejn xi drabi, kien ikun ukoll preżenti l-Assistent Kummissarju Dr Mario Spiteri. Tul dawn il-laqgħat dejjem sab reżistenza mill-Kummissarju li baqa’ sakemm qatt ma aċċetta s-secondment ta’ Ferris u qatt ma ta raġuni għal dan ir-rifjut.

L-anqas ħallewh jirritorna fil-Korp

L-FIAU kienet temmet l-impjieg ta’ Ferris waqt li kien għadu taħt probation. Huwa qed ifittex lill-FIAU fil-Qorti għax jemmen li t-tmiem tal-impjieg tiegħu kien inġust.

Ferris qal li fis-17 ta’ Mejju 2017  kien mar ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fejn kien hemm preżenti wkoll l-Assistent Kummissarju Dr Mario Spiteri, u kien formalment talab sabiex jerġa’ jingħaqad mal-Korp. Huwa kien infurmat li ma kellhiex tkun problema għaliex kien dejjem qeda dmiru sew. Huwa għamel it-talba uffiċjali biex jidħol lura fil-Korp iżda din it-talba baqgħet, sal-lum, mingħajr ebda risposta.

Ferris iħoss li qed issir diskriminazzjoni miegħu billi mill-2013 sal-lum, kien hemm 119-il resinstatement fil-korp tal-Pulizija.

Għal Ferris qed jidhru l-Avukati Andrew Borg Cardona, Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u  Evelyn Borg Costanzi.