Kriżi Spanja: Il-Katalani jopponu bil-kbir id-deċiżjoni tal-PM Rajoy

Il-mexxej tal-Katalunja, Carles Puigdemont qal li l-Katalunja mhux se taċċetta l-pjan tal-Gvern f’Madrid li mistenni jimponi direttament fuq dan ir-reġjun.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, qal li l-Gvern se jieħu r-riedni tal-Katalunja f’idejh, hekk kif qed jippjana li jneħħi lill-mexxejja Katalani mill-karigi tagħhom u jsejjaħ elezzjoni fir-reġjun mill-iktar fis.
Sa issa, ir-reġjun tal-Katalunja, li vvota għall-indipendenza, dejjem gawda minn awtonomija kbira.
Carles Puigdemont iddeskriva d-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol bħala l-ikbar attakk fuq l-instituzzjonijiet Katalani.
Huwa qal li l-Gvern Spanjol qiegħed imur kontra d-dritt demokratiku tal-Katalani li wara l-vot offrew li jkun hemm djalogu biex tinstab soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet.
Jidher li l-Parlament Katalan se jkun qiegħed jiddiskuti l-pjanijiet ta’ Rajoy.
Huwa qal ukoll li l-valuri li sawru l-Unjoni Ewropea jinsabu taħt theddida fil-Katalunja.