Kriżi PN: 11-il żvilupp fl-aħħar 24 siegħa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ qed jaffaċċja kriżi ta’ tmexxija wara reazzjonijiet negattivi minn għadd ta’ deputati Nazzjonalista wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Kollox beda bir-riżultat ta’ stħarriġ tal-MaltaToday ippubblikat il-Ħadd li għadda u li ġie diskuss waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari lbieraħ filgħaxija li damet kważi ħames sigħat.

  • Herman Schiavone: Qabel ma’ daħal għal-laqgħa qal li ma jiddubitax is-sondaġġ li ħareġ il-Ħadd li għadda li fih ġie żvelat li Adrian Delia għandu l-inqas livell ta’ fiduċja li qatt kellu.
  • Adrian Delia: F’kummenti lill-ġurnalisti qal li filwaqt li ħa nota tal-istħarriġ li sar, huwa se jkun qed imexxi lill-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-kummenti ta’ Delia jwittu t-triq għal dak li ġara llum.
  • Jason Azzopardi: F’kumment fuq Facebook qal li jħossu mdejjaq, imqarraq u sorpriż immens. Stqarr li l-laqgħa kienet waħda “tajba, taħraq, serena u diretta”.
  • Therese Comodini Cachia: F’ittra indirizzata lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tgħidlu li r-riżenja tiegħu għandha twassal għal kapitlu ġdid fil-PN.
  • Robert Arrigo: Iħabbar li se jirriżenja minn Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit.
  • Kristy Debono: Tħabbar li rriżenjat minn President tal-Kunsill Ġenerali
  • Louis Galea: F’ittra lil Delia jgħid li talab lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione biex ilaqqa’ lill-Eżekuttiv biex jaħtar tim ġdid ta’ tmexxija.
  • Alex Perici Calascione:“Mill-Kap ‘l isfel kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà”
  • Stqarrija mhux iffirmata mid-deputati Nazzjonalisti: Ġiet iċċirkolara stqarrija mhux iffirmata li tgħid li 17-il deputat Nazzjonalista ħeġġew lil Delia jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar jekk jibqax kap tal-partit jew le.
  • Giovanni Bonello: L-Imħallef Emeritu jgħid li l-Kostituzzjoni tħalliha fil-ġudizzju tal-President biex jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni
  • Il-President: Iħassar laqgħat li skeda ma’ deputati Nazzjonalisti