Kriżi Libjana: L-Ajruport ta’ Tripli maħtuf mill-milizzja ta’ Misrata

Fil-Libja t-tensjoni qed teskala hekk kif ilbieraħ filgħaxija, wara ġlied qalil, l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli nħataf mill-milizzja ta' Misrata.
Il-Parlament il-ġdid tal-Libja kkundanna lill-milizzja u ddeskriviha bħala “organizzazzjoni terroristika.”
Kelliem għall-milizzja qal li l-Parlament il-ġdid Libjan huwa illeġittimu u talab biex il-Kunsill Nazzjonali Ġenerali, li kien imexxi l-Libja sa ftit żmien ilu, jerġa’ jieħu l-poter.
Din il-milizzja, li hija magħmula minn ribelli Iżlamiċi u  oħrajn mill-Belt ta’ Misrata, qalu li rebħu l-kontroll tal-ajruport, minkejja li kienu qed ikunu attakati b’attakki “misterjużi” mill-ajru.
Sal-bieraħ l-ajruport kien taħt it-tmexxija ta’ milizzji moderati mill-Belt ta’ Zintan li ħadu f’idejhom l-ajruport fir-revoluzzjoni li neħħiet lid-dittatur Muammar Gaddafi.