Kritika wara li l-PM issuġġerixxa amnestija għal dawk immultati

Aġġornat 04:33 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Għexieren ta’ persuni magħrufa, entitajiet u anke persuni mill-pubbliku kkritikaw dak li qal il-Prim Ministru llum waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. Dalgħodu qal li jixtieq li jintroduċi miżura li skontu tirringrazzja lill-poplu Malti tal-kooperazzjoni tiegħu.

Hu spjega li ried jara li jkun hemm mekkaniżmu ta’ amnestija għall-multi li jeħlu persuni ġenwini li minħabba żball jew nuqqas ta’ attenzjoni nqabdu mhux isegwu l-miżuri ta’ distanza soċjali. Qal ukoll li jrid jara li din tkun disponibbli għal dawk li diġà ħallsu l-multa u b’hekk jingħataw rifużjoni ta’ dak li ħallsu.

Fl-intervista, Abela ġab l-eżempju ta’ persuni li forsi kienu qed jistennew barra s-supermarket u ma żammewx id-distanza kif suppost minħabba nuqqas ta’ ħsieb. Jew persuni li forsi marru jixtru xi bukkett fjuri f’jum l-omm u spiċċaw weħlu multa għax kienu qed jistennew fi gruppi ma’ persuni li mhux parti mill-familja tagħhom.

“Insult għax-xogħol li għamlu l-Pulizija” – MPA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija qalet li d-diskors tal-Prim Ministru Abela huwa ta’ insult kbir għax-xogħol kollu li għamlu l-membri tal-Korp matul dawn l-aħħar xhur. Permezz ta’ post fuq Facebook, l-għaqda sostniet kif diversi membru saħansitra ssugraw is-saħħa tagħhom u tal-familji tagħhom biex ikun osservat l-Avviż Legali li nħareġ mis-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika.

L-Assoċjazzjoni sostniet li hi dejjem apprezzat il-linja tal-Korp tal-Pulizija u qalet li temmen li persuna għandha kemm jista’ jkun tiġi edukata u mhux neċessarjament imħarrka. Qalet li temmen li l-Qrati u t-tribunali tal-Ġustizzja huma dawk li għandhom il-poteri jiddeċiedu jekk persuna hix ħatja jew le u m’għandu jkun hemm l-ebda pressjoni politika. Hi kompliet tgħid kif ir-rilaxx ta’ ċertu miżuri wassal biex il-ħidma tal-Korp tiżdied u mhux tonqos. Qalet li dan sabiex ikun żgurat li jkun hemm obbidjenza lejn il-liġi u s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tkun imħarsa. Hi staqsiet lill-Prim Ministru kif qed jistenna li l-Pulizija tkompli tagħmel xogħolha jekk qed jgħid lill-pubbliku li l-istess osservanza tal-pulizija tista’ ma twassal għall-ebda tip ta’ taħrika u li jaf, b’mod awtomatiku, iddaħħal il-mentalità li kollox hu permissibbli.

L-MPA irrimarkat li anke jekk persuna tonqos li tilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà tista’ teħel multa u dan anke jaf ikun sar b’nuqqas ta’ ħsieb u l-persuna jaf tkun ġenwina. Qalet li b’hekk, inizjattiva bħal din se toħloq diskriminazzjoni fuq diversi kontravenzjonijiet. Intant semmiet kif waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u biex jaraw li l-pubbliku jkun qed isegwi l-istess restrizzjonijiet, membri tal-Korp kienu mhedda jew aggrediti kemm-il darba. Intant, l-MPA qalet ukoll li din id-dikjarazzjoni hija ta’ insult għall-poplu Malti u Għawdxi li matul dan il-perjodu wera dixxiplina u osserva l-liġijiet.

L-Malta Police Association tagħmel referenza għad-dikjarazzjonijiet li saru mill-Prim Ministru Dr. Robert Abela aktar…

Posted by Malta Police Association on Sunday, May 31, 2020

Il-POU titlob kjarifika u aktar dettalji

Intant, l-Union tal-Uffiċjali tal-Pulizija qalet li bħala pulizija jirrispettaw kull deċiżjoni li tittieħed mill-Prim Ministru u minn kull istituzzjoni leġittima oħra fil-pajjiż. B’hekk, il-POU se tikteb lill-Prim Ministru u ħa tagħmillu talba għal kjarifika u aktar dettalji dwar din l-amnestija. Qalet li l-pożizzjoni tagħha dwar l-amnestija se tagħmilha ċara f’din l-ittra.

L-union sostniet li filwaqt li taqbel li dawn il-persuni mmultati mhux kriminali, “jibqa’ il-fatt li fl-ahhar xhur il-Pulizija bħalha frontliners iddedikaw riżorsi konsiderevoli fuq l-infurzar ta’ dawn il-miżuri biex jaraw li jiġu rispettati.”

L-union irrimarkat li din id-deċiżjoni hi nkwetanti ukoll fejn f’każ li jkun hemm bżonn jerġgħu jiġu implimentati miżuri mill-ġdid, l-infurzar ta’ dawn il-miżuri se jkun ikkumplikat jekk se jkun hemm perċezzjoni li mhux ħa ikun hemm konsegwenzi għal ksur ta’ dawn il-miżuri.

Qalet li temmen li il-miżuri maħruġin mill-istess Gvern kienu strumentali għas-suċċess tal-pajjiż fil-ġlieda kontra il-COVID-19 u għalhekk temmen dwar l-importanza tal-leġittimità tal-infurzar tagħhom.

Insult

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tas-Salesjani, Patri Eric Cachia Sdb qal fakkar fit-tfal kollha li jinsabu fi djar residenzjali u li ilhom 10 ġimgħat ma jaraw lill-qraba tagħhom.

Il-psikologa Dr Anna Cassar qalet fuq twitter li t-tixrid tal-mard mhux biss att immorali iżda att kriminali. Qalet li jidher li l-konfoffi mal-kriminali saret xi ħaġa normali fil-pajjiż.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt ħaddiem fil-qasam sostna li huwa evidenti li dawk kollha involuti fil-ħarsien tal-liġi, partikolarment tar-regoli relatati mal-coronavirus jinsabu umiljati b’dan il-kliem. Qal li mhux ta’ b’xejn ir-rispett lejn l-awtorità naqas drastikament. Qal li l-politika kissret ir-reputazzjoni ta’ kulħadd u qed tkisser moralment lil dawk li jissalvagwardjaw il-liġi.

Kompla jgħid kif ħafna minnhom ilhom mal-10 ġimgħat separati minn mal-familji tagħhom. Filwawt li ħadmu sigħat twal biex jassiguraw li jkun hawn ħarsien tas-saħħa pubblika. Appella lill-Prim Ministru biex iħallihom jagħmlu xogħolhom u minflok jiffoka fuq kif jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tiegħu.

“Aħjar amnestija fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta’ familji b’paga minima”

Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà Prof. Andrew Azzopardi, ukoll ikkritika din il-proposta ta’ Abela u sostna li jkun aħjar li l-amnestija tingħata fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta’ familji b’paga minima. Qal li l-amnestija għandha tingħata lill-koppji żgħażagħ li għandhom djar li jiswew inqas minn €200,000 fuq perjodu ta’ tliet xhur. Qal li għandha tingħata allowance ta’ €1,000 għal kull rotation lil min ħadem fid-djar tal-anzjani, il-ħabs, djar tat-tfal u ma’ persuni b’diżabilità matul dan il-perjodu, kif ukoll lill-ħaddiema tas-saħħa.

Sostna li m’għandhomx jingħataw flus lura lil “min hu kiesaħ” u wera li ma jimpurtahx la mis-saħħa tiegħu stess u lanqas minn dik ta’ madwaru.

Amnestija ghall-Ghalabiebizmu!Li nuru l-hniena hija tajba tafux. 🙏🏾Imma dan l-att biex nahfru dawn l-multi ghandu…

Posted by Andrew Azzopardi on Sunday, May 31, 2020

Intant, l-eks Kap Eżkuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Reuben Abela, qal li ma jaqbel mal-ebda amnestija. Qal li l-poplu kollu obda l-ordinjiet ħlief għal ftit li għamlu ta’ rashom. Qal li kull amnestija hija ekwivalenti għal sinjal ta’ sfiduċja fl-Awtoritajiet u f’dawk kollha li obdew l-ordnijiet. “Jekk jiġri hekk se jkun żball kbir u nuqqas ta’ serjetà,” insista Abela.

Ma naqbel ma l-ebda amnestija. Il-poplu kollu obda l-ordnijiet ghajr ghal ftit li ghamlu ta' rashom. Kull amnestija hija…

Posted by Ruben Abela on Sunday, May 31, 2020

Min-naħa tiegħu, l-eks Editur tal-ġurnal It-Torċa wkoll ħareġ jikkritika dak li qal il-Prim Ministru u sostna li passi bħal dawn huma r-raġuni għaliex in-nies ma titgħallimx.

“Insult għall-ġudikatura”

Min-naħa tiegħu, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li l-MPA kellha dritt toħroġ b’saħħa kontra dak li qal il-Prim Ministru llum. Spjega li wara li l-Prim Ministru kiser diversi liġijiet marbutin mal-coronavirus wara ż-żjara tiegħu fil-Libja, issa qed jgħid li jrid jagħti amnestija lil dawk li kisru l-liġi.

Cassola insista wkoll li l-kliem ta’ Abela huwa insult lis-sistema ġudizzjarja Maltija, li qiegħda hemm biex tassigura li ssir ġustizzja. Hu talab lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti jekk il-ġudikatura hux se tkun qed tirreaġixxi għal dak li qal il-Prim Ministru. Sostna li jekk il-ġudikatura tibqa’ siekta dan ifisser li qed tħalli lill-Prim Ministru jimmina l-irwol tagħha.

“Insult għall-ispiżjara”

Il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta wkoll irreaġixxiet għal dak li qal il-Prim Ministru u sostniet li d-dikjarazzjoni tiegħu hija insult kbir għax-xogħol kollu li għamlu l-ispiżjara kollha matul dawn l-aħħar xhur. Spjegat kif ħafna minnhom saħansitra issugraw is-saħħa tagħhom u tal-qraba tagħhom sabiex jaghtu s-servizz tagħhom u jkunu osservati l-Avviżi Legali li nħarġu mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika fil-provvediment tas-servizz farmaċewtiku.

Il-Kamra tal-Ispizjara ta' Malta tagħmel referenza għad-dikjarazzjonijiet li saru mill-Prim Ministru Dr. Robert Abela…

Posted by Kamra tal-Ispiżjara ta' Malta on Sunday, May 31, 2020

“Segwu biss il-pariri tal-esperti mediċi” – MAM

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) stqarret li tinsab inkwetata li l-proposti tal-Prim Ministru jmorru kontra l-appelli tal-esperti tas-Saħħa Pubblika u m’għandhomx bażi xjentifika. Il-MAM fakkret lill-Prim Ministru li din il-ġimgħa kien hemm tliet mewtiet minħabba l-coronavirus u s-sitwazzjoni jaf mhix daqshekk ward u żgħar.

Il-MAM sostniet li t-trażmissjoni qalb il-pubbliku kienet daqshekk baxxa għax il-pubbliku wera dixxiplina. Qalet ukoll li diversi surveys qed juru li l-pubbliku qed jafda fl-esperti mediċi iktar milli fil-politiċi. Li wieħed iħaffef biex jirrilaxxa l-miżuri li kienu qed iżommu l-virus milli jinfirex iżid riskju lis-saħħa u jimmina l-kunfidenza pubblika b’riskju li jagħmel aktar ħsara lill-ekonomija.

Il-MAM insistiet li t-tneħħija ta’ multi fil-konfront ta’ persuni li jiksru l-kwarantina jew id-distanza soċjali ma kinitx xi ħaġa li jistennew minn gvern responsabbli. Irrimarkat li l-ebda politiku m’għandu jimmina x-xogħol tal-pulizija, l-prosekuturi tal-istat u l-ġudikatura fuq l-ebda offiża. “M’għandu jkun hemm l-ebda premju għal dawk li aġixxew b’mod traskurat u poġġew ħajjet ħaddieħor f’riskju,” sostniet il-MAM. Kompliet tgħid li t-tneħħija ta’ dawn ir-regoli se twassal biex eluf ta’ testijiet isiru ineffettivi u l-contact tracing u l-iżolazzjoni jsiru aktar diffiċli, dejjem bir-riskju li l-virus jerġa’ jibda jinfirex b’mod rapidu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn