Kritika miż-żewġ partiti dwar l-appell biex l-HSBC jitlaq minn Malta

Il-Partit Nazzjonalista u l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi kkundannaw it-twissija li għamel l-MEP Ġermaniż Sven Giegold lill-bank HSBC biex jirtira minn Malta jekk Malta ma tagħmilx sforz biex taffaċċja l-ħasil tal-flus fil-pajjiż.

Fi stqarrija, il-PN qal li jkun aħjar jekk “Giegold u sħabu” jaħdmu fid-direzzjoni tal-PN biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern u l-aġir tiegħu mingħajr ma jiġu ppreġudikati terzi indipendenti. Skont il-PN wieħed ma jistax iwaħħal fis-settur privat għan-nuqqasijiet tal-Gvern. Skont il-partit “huwa att ta’ irresponsabilità min-naħa tal-MPE Giegold li jpoġġi l-pressjoni fuq istituzzjoni finanzjarja privata.”

Giegold qabeż il-linja tad-diċenza – Mizzi

Fi stqarrija separata, l-MPE Laburista Marlene Mizzi qalet li Sven Giegold qabeż il-linja tad-diċenza. Qalet li ilu jgħasses fuq Malta għal dawn l-aħħar snin u li minkejja l-kritika tiegħu, qatt ma ħareġ b’xi ħaġa ta’ sustanza.  Qalet li qed jipprova jagħmel ħsara lil Malta u li qed ipoġġi l-karriera ta’ mijiet ta’ persuni f’riskju.

Giegold wiegħed li jdur kontra l-HSBC jekk il-Gvern Malti ma jiħux azzjoni biex isaħħaħ ir-regolamenti finanzjarji. “Jekk ma tinbidilx l-attitudni, inniedi kampanja biex l-HSBC jitlaq minn Malta,” qal Giegold lil The Sunday Telegraph, wara ż-żjara tiegħu f’Malta li sejħilha “diżappuntanti.”

Dan wara l-pressjoni li qed issir fuq l-MFSA mill-Unjoni Ewropea wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea ma qablitx mal-mod kif Malta taffaċċja l-ħasil tal-flus, speċjalment fil-każ tal-Bank Pilatus.