Kritika għall-approvazzjoni ta’ kamra tan-nar oħra fl-Għarb

L-għaqda mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar ikkundannat l-għażla tal-Awtorità tal-Ippjannar sabiex japprovaw karma tan-nar fl-Għarb. Hi sostniet li l-awtorità injorat numru ta’ fatturi.

L-għaqda spjegat li diġà hemm numru ta’ kmamar tan-nar fl-Għarb, li kien post li sofra minn żewġ splużjonijiet fl-2010 u fl-2012. Dawn l-isplużjonijiet ħadu l-ħajja ta’ 10 persuni. B’kaġun ta’ dan, kien sar referendum dwar l-approvazzjoni biex jinbnew iżjed kmamar tan-nar fil-lokalità, fejn 60% tar-residenti vvutaw kontra.

Żiedet tgħid li fl-2009, l-awtorità ta’ dak iż-żmien ma kenitx approvat maħżen agrikulturali fl-istess post, iżda issa qed tiġi approvata karma tan-nar. Barra minn hekk, iż-żona hija parti minn sit speċjali ta’ konservazzjoni.

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar temmet l-istqarrija billi qalet li l-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjannar għandhom jinżammu responsabbli jekk ikun hemm traġedja oħra.