Kristu, mhux il-poter, fil-qofol tal-ħidma tagħna – il-Papa

Il-Papa Franġisku beda żjara ta’ tmien sigħat fir-reġjun tat-Toskana fl-Italja, l-ewwel b’waqfa fi Prato imbagħad fil-kapitali reġjonali Firenze.
Fil-laqgħa tal-Konvenju Nazzjonali tal-Knisja, il-Papa għal darb’oħra tenna l-appell kontra l-kilba għall-poter waqt li saħaq li l-Knisja trid tibqa’ żżomm lil Kristu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Iż-żjara tal-Papa bdiet fit-8.00am fil-Katidral ta’ Prato.
Għall-ħabta tal-10.00 il-Papa wasal bil-ħelikopter f’Firenze, fejn wara l-Konvenju Nazzjonali u t-talba tal-Anġelus f’nofsinhar, mistenni jiekol mal-fqar. Iktar tard filgħaxija se jiċċelebra quddiesa fl-istadju tal-futbol tal-belt fejn mistennija jistennewh iktar minn 50,000 persuna.
Il-Papa jasal lura l-Vatikan illejla għall-ħabta tas-6.00pm.