Kristjani baqgħu fl-Iraq minkejja l-attakki fuqhom

Jekk ma jiqfux il-persekuzzjoni u l-vjolenza m'hemmx futur għall-pluraliżmu reliġjuż la fl-Iraq u anqas imkien ieħor fil-Lvant Nofsani. L-Insara li sofrew il-persekuzzjoni għal dawn l-aħħar 1,400 sena issa qed jiffaċċjaw battalja eżistenzjali, li tista’ tkun l-aħħar battalja.
Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Arċisqof Iraqi Bashar Warda ta’ Ebril waqt li kien qed jindirizza konferenza fl-Università ta’ Georgetown fl-Istati Uniti.
Hu fakkar li wara l-attakk mill-ISIS aktar minn 125,000 Nisrani kellhom jaħarbu minn djarhom iżda għad fadal grupp ta’ Nsara li huma determinati li ma jitilqux mill-Pjanura ta’ Nineveh.
F’lejl wieħed, l-ISIS ħadu kollox u ħallew lil kulħadd bla dar, bla xogħol, bla monasteru u mingħajr mhuma kapaċi jipparteċipaw f’affarijiet li jagħtu dinjità lill-bniedem.
“Madankollu għadna hemm. Bqajna ftit, madwar 200,000 Nisrani biss jew anqas. Veru li aħna ftit fin-numru, l-appostli kienu ferm anqas minnha”, qal Mons. Bashar.
Huwa qal li l-Insara jaħfru li qatlu, ittorturaw, stupraw u li kissru kulma sabu.  “Naħfrulhom f’isem Kristu”. Dan il-messaġġ ta’ maħfra rridu ngħadduh ukoll lill-ġirien tagħna l-Misilmin fil-Lvant Nofsani. “Tgħallmu minna. Ejja ngħinukom tfiqu. Il-feriti tagħkom huma kbar daqs tagħna l-Insara. Ejja nfejqu lil pajjiżi ttorturati tagħna flimkien”, appella l-Arċisqof.
Warda appella lill-mexxejja Musulmani li hemm bżonn li l-minoritajiet reliġjużi jkunu protetti. Mhux biżżejjed wieħed jgħid li l-ISIS ma jirrappreżentawx l-Iżlam. Irridu nagħmlu aktar. Hu ħeġġeġ lill-pajjiżi Musulmani biex jingħaqdu u jibnu villaġġi Nsara u Yazidis biex juru li huma solidali.
L-Arċisċof enfasizza dwar l-importanza tal-“onestà u r-rispett” fid-djalogu interreliġjuż bejn l-Insara u l-Musulmani.
Hu qed jaħdem biex jibni mill-ġdid il-komunità tal-Insara fit-Tramuntana tal-Iraq u qed jara tama ġdida wara li fetħet Università Kattolika ġdida f’Erbil, bl-għajnuna tal-Konferenza episkopali Taljana.
“Aħna l-Insara li għandna l-Aħbar it-Tajba u l-maħfra t’Alla, nistgħu noffru xi ħaġa. Nistgħu niftħu l-iskejjel u ċ-ċentri edukattivi tagħna anke għal dawk li sawtuna. B’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi għandna ċ-ċans biex insiru nafu lil xulxin aħjar u nikbru fit-tolleranza u r-rispett lejn xulxin”, sostna l-Arċisqof.
Illum fl-Università ta’ Erbil hemm 82 student jistudjaw l-ekonomija, il-liġi, il-letteratura u korsijiet oħra, u dawn l-istudenti huma kemm Insara kif ukoll Musulmani.
L-Università tista’ tilqa’ sa 700 student. Dan kollu bis-saħħa tal-Knisja Kattolika.