Kriminalità f’San Vinċenz: X’jiġri fid-dar tal-anzjani?

Għadd ta’ familji Maltin jafdaw il-kura tal-anzjani tagħhom fi ħdan ir-residenza San Vinċenz de Paul. Hemm min ikun waħdu u ma jkollux għażla oħra. Fil-midja ġieli joħorġu dettalji ta’ abbuż jew atti illegali oħra li jkunu twettqu fir-residenza. Però, x’inhi s-sitwazzjoni reali?

Skont il-Pulizija bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena ġew irrappurtati 14-il reat kriminali li twettqu f’din ir-residenza.

Reati li twettqu f’San Vinċenz

L-aktar reat komuni (6) kien dak ta’ ħsara kawża ta’ hit and run.

X’kienet is-sitwazzjoni fis-snin preċedenti?

Fil-Parlament, f’Novembru tal-2017, il-Ministru Michael Falzon qal li kien hemm tliet każijiet ta’ abbuż fuq anzjani bejn l-2013 u l-2014. Qal li ttieħdet azzjoni fuq l-impjegati kkonċernati skont il-każ. L-azzjonijiet varjaw min proċeduri bil-qorti, sospensjoni mix-xogħol u tal-paga, u twissija bil-miktub.

Fl-istess perjodu kien hemm total ta’ 47 każ ta’ dixxiplina li ttieħdet azzjoni dwarhom, li ma kinux biss dwar kazijiet ta’ abbuż fuq anzjani.

Fl-2015, il-MP tal-Oppożizzjoni Kristy Debono qalet li qraba ta’ resident “qabdu wieħed mill-impjegati tas-sala jsawwat anzjan fil-Psychogeriatric Ward Men”. Fl-istess sena, l-MP Clyde Puli kien qal li pazjenti kienu qed jiġu marbuta biex jonqos l-ammont ta’ ħaddiema. Għal dan, il-Ministru Michael Farrugia kien qal li pazjenti ġieli jintrabtu b’ċinga għas-sigurtà tagħhom.

Lura fl-2013, meta l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kienet għadha Membru Parlamentari, semmiet diversi rapporti ta’ każijiet ta’ abbuż li saru f’San Vinċenz. Bejn Ġunju u Settembru tal-2013, qalet li kien hemm madwar 20 rapport.

Dawn kienu jinkludu:

  • Resident misjub mill-qraba tiegħu f’kundizzjoni prekarja ta’ saħħa
  • Impjegata li aġġixxiet b’mod traskurat ma’ pazjenta
  • Persuna fl-istaff li mhux qed tittratta l-pazjenti tajjeb minħabba twemmin politiku differenti
  • Persuna fl-istaff għajjat ma’ resident għax ried ibiddel il-ħarqa
  • Pazjent ta daqqa ta’ ponn lil resident ieħor

Fl-2016 l-MP Paula Mifsud Bonnici kienet allegat li hemm problema ta’ ġrieden. Il-Ministru Michael Farrugia kien ċaħad dan, però żied jgħid li kien hemm “ programm preventiv permezz ta’ numru ta’ nases”.

Kemm hemm anzjani f’San Vinċenz?

[infogram id=”1dc2510e-9a36-4d96-9ed6-8b9030a07858″ prefix=”iBB” format=”interactive” title=”Copy: 500 persuna l-Qorti minħabba l-kaċċa u l-insib”]

Fil-Parlament, f’April li għadda, il-Ministru Falzon qal li kien hemm total ta’ 1,093 anzjan residenti f’San Vinċenz li minnhom 340 kienu residenti rġiel u 753 nisa.

Fl-2016, kien hemm 1,061 resident. L-għadd totali ta’ residenti fid-djar tal-anzjani tal-Gvern kien ta’ 2,007.

Kemm hemm ħaddiema?

Fil-Parlament, il-Ministru Falzon qal li fl-2017 li kien hemm mill-inqas 422 infermier impjegati fir-residenza. Fl-istess sena kien hemm 37 ħaddiem barrani, l-aktar mill-Pakistan.

Fl-2016 il-Ministru Farrugia qal li kien hemm 1,072 ħaddiem tal-Gvern u 476 oħra ta’ kuntrattur. Fl-istess sena kien hemm 3 social workers li jagħtu s-servizz tagħhom.

Il-ħaddiema dejjem ikunu f’posthom?

F’April li għadda, l-MP Maria Deguara staqsiet lill-Ministru Falzon dwar telephone operator li allegatament kien jidħol jippanċja fis-6.45 pm u jitlaq ‘il barra. Falzon qal li qatt ma rriżulta li kien hemm xi abbuż imma talab biex issir investigazzjoni.

Fl-2015 l-MP Claudette Buttigieg qalet li kien hemm anzjana li f’jum partikolari tħalliet waħedha f’sala wara li l-istaff u l-pazjenti marru ħarġa. Dan ġie miċħud mill-Ministru Farrugia.

Tittieħed azzjoni meta xi ħadd jikser ir-regoli f’San Vinċenz?

Fl-2015, il-Ministru Farrugia qal li minn Jannar tal-2015 sa Ġunju tal-istess sena kien hemm 19-il proċedura dixxiplinarji kontra impjegati. Fost il-konsegwenzi li kien hemm, 8 persuni ngħataw twissija bil-miktub u żewġ każijiet irriżultaw f’sospensjoni mix-xogħol għal ħamest ijiem.

Skont Farrugia, “kien hemm 57 investigazzjoni/proċeduri ta’ dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz de Paul bejn April 2013 u Mejju 2015”.

Ikollhom x’jagħmlu l-anzjani?

Isirulhom attivitajiet teatrali, ċelebrazzjonijiet spiritwali, kunċerti mużikali, barbeques, ħarġiet kulturali, diskussjonijiet u laqgħat.

Kemm mietu anzjani f’San Vinċenz?

Skont informazzjoni li ħarġet mill-Parlament, fl-2016 mietu 389 anzjan, 375 fl-2015 u 510 fl-2014.

San Vinċenz fil-midja

L-aktar każ riċenti li fih San Vinċenz issemma fil-midja kien dwar l-għoti ta’ direct order ta’ €274 miljun għall-proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva kien ċaħad kategorikament li ngħatat xi direct order lil JCL & MHC Consortium. Is-sejħa pubblika oriġinali li ħarġet fl-10 ta’ Novembru 2015 kienet għall-catering tar-residenti ta’ San Vinċenz u minn żewġ offerti sottomessi, l-offerta ta’ JCL & MHC Consortium kienet l-iktar vantaġġjuża.

Newsbook.com.mt kien staqsa liċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-Parlament, jekk il-Kumitat hux se jiddiskuti din id-direct order, Beppe Fenech Adami stqarr li ma jeskludix li jiddiskuti “d-direct order ta’ mijiet ta’ miljuni għall-estensjoni ta’ San Vinċenz”.

Għandek xi esperjenza relatata ma’ San Vinċenz de Paul? Iktbilna fuq info@newsbook.com.mt