Krikit: Marsa jirbħu logħbiet missielta kontra London Nigerians

Fl-aħħar logħbiet fil-grawnd tal-krikit fil-Marsa, it-tim tal-Marsa laqa’ lit-tim Ingliż ta' London Nigerians għall-ewwel darba f'Malta.
Fit-T20 tal-Ġimgħa, il-Marsa bbattjaw l-ewwel u kisbu t-tielet l-ogħla skor waqt T20 f’dan l-istaġun; 176 ġirja b’telf ta’ 6 wikits.
Il-kaptin tat-tim nazzjonal Malti, Nowell Khosla, laqat 5 bounderies, filwaqt li Bikram Arora u Haroon Majeed tellgħu 74 ġirja bejniethom, inklużi 6 sittiet.
David Marks daħal lejn l-aħħar tal-innings bi 15-il ġirja minn 10 blalen. Is-sitt bowlers ta’ London Nigerians kollha laqtu wikit, għalkemm Sam Ayinde kien l-aqwa fosthom fejn f’4 overs ħalla biss 17-il ġirja għal Marsa.
Fit-tieni innings, London Nigerians, tilfu lil Gabbay u Etteh, l-ewwel żewġ battituri tagħhom fl-ewwel 6 overs powerplay. Ade Ojomo u Clifford Edebiri ittantaw idawru l-inning favurihom, iżda wikits regolari min-naħa tal-Marsa neħħewlhom kull tama. Bħala battitur, Sam Ayanide kiseb 16-il ġirja, iżda London Nigerians bi skor ta’ 153 għal 8, tilfu kontra Marsa, bi 23 ġirja anqas mit-tim Malti.
Waqt it-T30 tas-Sibt, Marsa bbattjaw l-ewwel. John Grima, Malcolm Crabbe u Bikram Arora kif ukoll Sumair Khan kienu determinanti biex Marsa għalqu l-ewwel innings bl-iskor ta’ 172 għal 7.
Michael Gabbay u Segan Bucknor kienu l-bowlers għal London Nigerians.
Gabbay u Ojomo tellgħu 40 ġirja qabel l-ewwel wikit b'Amar Gorania jdawwar il-logħba favur Marsa sakemm il-wikit ta’ Michael Gabbay neħħa kull tama li kellhom l-Ingliżi.
Sumair Khan kien ivvutat bħala l-plejer tal-logħba. London Nigerians jgħalqu t-tieni innings b’153 ġirja, biex Marsa rebħu s-Sibt ukoll.