Krafts u logħob għat-tfal fl-iskejjel dwar il-missjoni

Read in English.

Missio Malta qed tħejji krafts u logħob għat-tfal fl-iskejjel biex jitqassmu lill-għalliema f’manwal apposta biex l-istudenti jagħrfu japprezzaw aħjar ix-xogħol li jsir fil-missjoni.

Dan qed isir fix-Xahar Straordinarju tal-Missjoni hekk kif iddikjarat mill-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-100 ssena mit-tagħlim ta’ Papa Benedittu XV dwar il-missjoni.

Fi stqarrija Missio Malta qalet li se tieħu ħsieb tqassam ktejjeb ta’ riżorsi lill-għalliema fl-iskejjel kollha f’Malta u f’Għawdex. Dan il-manwal jispjega pass pass lill-għalliema kif għandhom jintroduċu b’mod sabiħ u divertenti s-suġġett tal-missjoni lill-istudenti tagħhom permezz ta’ krafts, logħob u diversi sessjonijiet. B’hekk iqajmu kuxjenza u għarfien dwar il-missjoni fost it-tfal tagħna.

Missio Malta qalet li dejjem sabet appoġġ kbir kemm mill-kapijiet tal-iskola kif ukoll mill-għalliema kemm biex rappreżentanti jmorru jkellmu lill-istudenti u anki meta jsiru l-ġabriet ta’ fond b’risq proġetti fil-missjoni.

Din is-sena Missio qed tgħin lit-tfal f’pajjiż fl-Asja – Myanmar (eks-Burma). L-għajnuna se tkun iffukata fuq l-iskola primarja ta’ San Ġwann fid-djoċesi ta’ Hakha. L-iskola tinsab f’wieħed mill-postijiet l-aktar iżolati u remoti fil-pajjiż fejn 26% mill-popolazzjoni qatt ma rċievew edukazzjoni minħabba d-diffikultà biex jintlaħqu.

Din is-sena, bħas-snin ta’ qabel, bil-kampanja ‘Edukazzjoni: Il-Fejqan ta’ Nazzjon’, qed jitqassam envelop lit-tfal fl-iskejjel kollha biex ipinġu l-istampa filwaqt li jiġbru l-flus. Din is-sena wkoll ir-rivista ‘Tfal Missjunarji’ se titqassam b’xejn lill-istudenti biex il-messaġġ missjunarju jintlaħaq minn iżjed tfal u familji.