Kowċ Malti jikseb l-ogħla kwalifika internazzjonali ta’ taħriġ fil-baskitbol

Ruben Baldacchino, kowċ Malti li jaħdem maż-żgħażagħ, attenda kors tal-baskitbol bejn Ottubru u Novembru li għaddew fl-Amerika, fejn kiseb l-ogħla kwalifika tal-ikkowċjar tal-baskitbol, magħrufa bħala ICAB (International Coaching Apprenticeship in Basketball).
Baldacchino seta’ jagħmel dan wara li ġie mogħti borża ta’ studju mill-Kumitat Internazzjonali Olimpiku u ġie magħżul flimkien ma’ ħames kowċis oħra minn madwar id-dinja.
Waqt kors fl-Università ta’ Delaware, speċjalizza f’diversi suġġetti relatati mal-baskitbol professjonali. Wara, kellu l-opportunità li jaħdem u jitgħallem mat-tim professjonali tal-baskitbol tal-Univesita’ ta’ Temple f’Philadelphia, fejn ħadem kemm mal-Kowċ Prinċipali Fran Dunphy kif ukoll ma’ Aaron Mckie, eks-plejer tal-NBA.
Fl-aħħar parti tal-kors, Baldacchino seta’ jara timijiet tal-NBA jilgħabu, u saħansitra kien il-mistieden speċjali tat-timijiet Washington Wizards u Philadelphia Sixers.
Dan il-kors wassal lil Ruben Baldacchino biex isir l-iktar kowc ikkwalifikat f’Malta fil-baskitbol, wara li fl-2015 iggradwa mill-kors tal-FIBA European Coaching Certificate (FECC).
Matul is-Sajf li għadda, Baldacchino lagħab ma’ għadd ta’ timijiet nazzjonali tal-irġiel u rebaħ il-midalja tal-Bronż fil-logħob Ewropew tal-FIBA U18, li saru ġewwa Ċipru.
Bħalissa, Ruben Baldacchino huwa l-Kowċ Prinċipali Nazzjonali ta’ subien taħt is-sittax-il sena.