Kostituzzjoni ġdida fiċ-Ċile tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru

Il-Knisja fiċ-Ċile tgħin lil dawk fil-bżonn © Archbishop Of Santiago

Kważi xahar wara li sploda l-inkwiet soċjali fiċ-Ċile, il-membri parlamentari tal-Gvern u l-Oppożizzjoni ħabbru li laħqu ftehim storiku “Għall-Paċi Soċjali u Kostituzzjoni Ġdida” biex jibdel l-ogħla liġi tal-pajjiż li ilha fis-seħħ mill-1981.

Wara li ntlaħaq dan il-ftehim li ġieb fi tmiemhom protesta vjolenti u paċifiċi li kienu qed isiru, il-President Sebastian Pinera ta’ struzzjonijiet biex jibdew jinkitbu l-liġijiet meħtieġa biex l-imsemmi ftehim jidħol fis-seħħ.

 Elezzjonijiet

 Il-ġurnal La Tercera qalet li fost il-proġetti miftehma hemm riforma kostituzzjonali dwar l-elezzjonijiet li mistennija jsiru f’April li ġej u l-Kostitutzzjoni trid tikseb l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament il-ġdid biex tidħol fis-seħħ.

Barra minn dan, il-Parlament il-ġdid irid jilleġisla dwar il-perjodu tal-kampanja elettorali li trid teleġġi delegate biex jiffurmaw il-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Artiklu ieħor li l-istess ġurnal ippubblika fit-18 ta’ dan ix-xahar, irrapporta dwar it-tħarbit u tkissir f’ġonna pubbliċi, proprjetà pubblika u privati u postijiet storiċi li twettqu matul il-jiem tal-protesti li ċ-ċentru tagħhom kienet il-kapitali Santiago.

L-artiklu jirreferi speċifikament għall-attakk u l-ħruq fil-knisja ta’ Veracruz; il-profanazzjoni tat-Tempju Marija Għajnuna tal-Insara fil-belt ta’ Talca li hu mmexxi mis-Salesjani u ħsarat oħra li saru f’diversi postijiet u siti reliġjużi, kif ukoll universitajiet u bini pubbliku.

Il-persuna fiċ-ċentru

L-Aġenzija tal-aħbarijiet Zenit irrappurtat li Luis Berrios, Segretarju tal-Caritas tal-Vikarjat Pastorali ta’ Santiago qal li fil-fehma tiegħu “il-kostituzzjoni l-ġdida tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kollox u tiggarantixxi drittijit soċjali biex kulħadd ikun jista’ jgħix b’dinjità”.

Hu żied jgħid li bl-irvellijiet li saru intlaqat il-pajjiż kollu. Kien hemm min intlaqat materjalment għax ġarrab ħsarat filwaqt li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni kienet effettwata emozzjonalment.

Għajnuna mill-Knisja

Istituzzjonijiet tal-Knisja fasslu pjattaforma elettronika li tinkoraġixxi t-twaqqif ta’ Swali fl-Ibliet li minnhom komunitajiet, parroċċi u skejjel jistgħu jagħmlu proposti għal titjib fil-pajjiż li mbagħad jitwasslu lill-awtoritajiet.

Il-Knisja f’Santiago implimentat strateġija biex toffri rispons immedjat u għajnuna fid-dawl tal-kriżi soċjali u umanitarja. Inħolqu ħames ċentri fejn nies li sofrew mill-irvellijiet u nkisrulhom id-drittijiet tagħhom, ngħataw pariri kif jistgħu jagħmlu ilmenti u talbiet għall-kumpens.

Ikel u Iġjene

Barra minn dan ingħatat għajnuna diretta ta’ ikel u oġġetti sanitarji lill-familji li tilfu s-sors tad-dħul tagħhom, fosthom ħafna emigrant li waslu fil-pajjiż riċentement li wħud minnhom tilfu l-impjieg li kellhom.

Barra minn dan fil-parroċċi, il-Kċejjen tas-Soppa kienu megħjuna kemm permezz ta’ aktar voluntiera kif ukoll bi prodotti tal-ikel biex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk fil-bżonn.