Korsijiet qosra fl-Università joffru flessibiltà

145 student temmew b’suċċess korsijiet qosra li jagħmlu parti mill-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS), u għalhekk ingħataw ċertifikati matul ċerimonja qasira. Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, kien dak li ppreżenta ċ-ċertifikati.

Dawn il-korsijiet tal-PLAS huma qosra, mifruxin fuq erbatax-il ġimgħa biss, u normalment isiru darba fil-ġimgħa bejn is-6:00pm u t-8:00pm.  B’hekk, il-Programm joffri flessibiltà u l-opportunità biex issegwi affarijiet għall-iżvilupp personali jew professjonali, bil-pass tiegħek.

Iċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS) bħalissa qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-korsijiet qosra tal-PLAS matul l-ewwel semestru tas-sena akkademika li ġej. Is-suġġetti offruti jinkludu l-Arkeoloġija, l-Istorja, il-Ġografija, is-Sistema Legali Maltija, l-Istorja tal-Arti, is-Saħħa Pubblika, l-Opera Russa, u l-Blockchain. Barra minn hekk, hemm ukoll tlett PLAS Tech Units, dwar il-Java, 3D Modeling, u Smart Contract Programming.

Għal aktar tagħrif, tista’ żżur is-sit elettroniku taċ-Ċentru. L-applikazzjonijiet jagħlqu fl-10 ta’ Settembru 2018.