Korsijiet ġodda f’Għawdex għall-Għawdxin

L-Istitut Idea Leadership & Management se jkun qed joffri korsijiet dwar l-immaniġġjar u t-tmexxija f’Għawdex.
Skont stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex, l-istitut huwa akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-edukazzjoni terzjarja. Hu joffri numru ta’ programmi fil-maniġment bħal maniġment ġenerali, riżorsi umani, u anke maniġment tas-saħħa.
Il-Ministeru ħabbar li fix-xhur li ġejjin, l-Istitut se jkun qed joffri wkoll korsjiiet fil-blockchain għas-settur finanzjarju u l-maniġment fis-settur tal-ospitalita.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana sostniet li dan l-istitut se jkun qed ikompli jsaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern sabiex tkun offruta edukazzjoni terzjarja għall-Għawdxin ġewwa Għawdex.
Id-Direttur tal-Istitut, Dr Silvio Debono, ħabbar li l-ewwel grupp ta’ studenti se jibdew kors fil-maniġment fil-qasam tas-saħħa f’Ġunju li ġej. 
Ritratt: MGOZ – George Scerri