Korsijiet għal care assistants f’San Vinċenz

Meta kienet qed iżżur kors ta’ taħriġ għall-carers fil-qasam tad-dimensja, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li reġgħu fetħu l-applikazzjonijiet għall-korsijiet ta’ care assistants fil-faċilità ta’ kura fit-tul f’San Vinċenz.
Hija spjegat li se jsiru tliet korsijiet għal care assistants ġodda li jixtiequ jaħdmu fil-qasam tal-anzjani u kif iċ-ċertifikat mogħti huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta u mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għolja u għalhekk rikonoxxut għall-post tax-xogħol.
Il-kors huwa mqassam fuq 15-il ġimgħa b’teorija u prattika u se jsir f’San Vinċenz stess.
Min jixtieq japplika għall-kors għandu ċans sal-5 ta’ Frar li ġej u jikseb aktar informazzjoni fis-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt.

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill