Korsijiet fil-Malti u fl-Ingliż għall-immigranti

L-immigranti issa se jkunu jistgħu jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż permezz ta’ ftehim ġdid bejn il-Gvern, l-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija.

Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ugwaljanza hekk kif il-Ministru Helena Dalli għamlet referenza għall-ftehim waqt konferenza dwar l-aċċessibbiltà tal-immigranti għall-edukazzjoni u x-xogħol.

Skont l-istqarrija, minbarra ż-żewġ lingwi, l-immigranti se jingħataw ukoll sessjonijiet t’orjentazzjoni kulturali, kemm f’livell introduttorju u wkoll avvanzat. It-taħriġ se jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla u se jkun segwit bir-reqqa sabiex maż-żmien dejjem jiġu mtejjba.

Il-Ministru Dalli insistiet li “t-taħriġ fl-ilsien u l-kultura Maltija huwa kruċjali fil-proċess tal-integrazzjoni tal-migranti f’pajjiżna”. Il-konferenza kienet iddur mat-tema “It-Tagħlim bħala Mezz t’Emanċipazzjoni” u mmarkat it-tmiem ta’ proġett li l-Fondazzjoni għall-Kenn u Appoġġ għall-Migranti wettqet biex issaħħaħ l-integrazzjoni ta’ ċittadini terzi permezz tal-lingwa u l-kultura.