Korsijiet edukattivi għall-anzjani fid-djar residenzjali

L-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali se jibda jkollhom iċ-ċans li jitħarrġu f’xi korsijiet tal-għażla tagħhom. 
Dan ġie mħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva waqt business breakfast għall-anzjani fejn is-Segretarjat iltaqa’ direttament magħhom sabiex jara x’jixtiequ li jinbidel fis-servizzi li qed jirċievu fid-djar residenzjali.
Skont is-Segretarjat, id-Dipartiment tal-Ġerontoloġija fl-Università ta’ Malta, għamel studju xjentifiku b’sample rappreżentattiv fost tmint idjar residenzjali tal-anzjani. 
Dan wassal lill-Professur Marvin Formosa, li mexxa l-istudju, sabiex iħejji pjan fit-tul, li jinkludi l-introduzzjoni ta' korsijiet edukattivi. Liema pjan mistenni jiġi fis-seħħ minnufih.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, qal li dan l-istudju wassal sabiex tingħata ħarsa lejn ir-realtà li qegħdin jgħixu fiha l-anzjani fid-djar residenzjali.